Ħarsien tat-tfal kollha… kollha!
- manuelschembri
- Nov 25
- 3 min read
Bil-Malti ngħidu li t-tfal huma ‘l-mimmi ta’ għajnejna’. Din l-espressjoni tfisser li t-tfal huma ta’ importanza kbira f’ħajjitna. Għalkemm pajjiżna, bħal pajjiżi oħra, qiegħed jinbidel mal-mogħdija tas-snin u għalkemm qiegħed ukoll ikollna rata baxxa ta’ twelid, xorta jibqa’ l-fatt li aħna l-Maltin inħobbu t-tfal. Għat-tfal nagħmlu kull sagrifiċċju.

Ilkoll naqblu li rridu l-ġid ta’ wliedna. Nistqarr personalment li għalkemm f’ħajti kelli diversi esperjenzi sbieħ, żgur li l-isbaħ esperjenza hija meta twieled it-tifel tiegħi, Adam. Ninsab ċert li l-maġġoranza tagħna jaħsbuha bħali.
Imma l-isfidi u d-diffikultajiet li kellna aħna meta konna żgħar mhumiex id-diffikultajiet li għandhom it-tfal llum. Illum it-tfal għandhom quddiemhom numru ta’ sfidi differenti. Fost dawn l-isfidi, hemm l-isfida li t-tfal mhumiex qegħdin jgħixu t-tfulija tagħhom. Donnhom it-tfal mhumiex jitħallew jgħixu bil-kwiet dan iż-żmien tagħhom u allura qegħdin jikbru mill-ewwel. Nemmen li rridu nagħtuhom iċ-ċans li jkunu tfal!
Sfida oħra li t-tfal għandhom hija li għalkemm il-familja għadha b’saħħitha, huma diversi tfal li għandhom tnejn jew saħansitra tliet familji li jridu jduru u jgħixu fihom. Dan qed iwassal għal ċerta instabbiltà f’ħajjithom. Barra minn hekk, il-komunitajiet fejn jgħixu tilfu wkoll is-sens ta’ komunità. Dan qed iwassal biex minn ċkunithom it-tfal jitilfu huma wkoll is-sens ta’ komunità u minflok jaħsbu għal rashom. L-esperjenza turina li dan iwassal aktar ‘il quddiem għal sens qawwi ta’ egoiżmu u individwaliżmu. Hemm ukoll l-isfida ta’ teknoloġija li daqskemm tista’ tagħmel ġid, tista’ sservi ta’ ħsara, barra numru ta’ sfidi oħra.
Min-naħa l-oħra, it-tfal tal-lum għandhom diversi opportunitajiet ukoll. B’differenza għal meta konna tfal aħna, illum it-tfal għandhom diversi opportunitajiet biex huma jimmaturaw. Għalkemm fit-tfulija kellna numru ta’ għaqdiet, speċjalment għaqdiet tal-parroċċa, illum hawn diversi għaqdiet oħra, fosthom dawk sportivi, kulturali u oħrajn. L-esperjenza turina li meta t-tfal jattendu għal dawn l-attivitajiet, it-tfal ikunu aktar maturi u responsabbli.
Huwa f’dan il-kuntest li lqajt b’sodisfazzjon l-istedina li għamilli l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg. Talabni biex inkun kelliem għal ħarsien tat-tfal. Qabel din il-kariga kont kelliem għal familja. B’hekk issa ħareġ aktar ċar il-messaġġ tal-importanza tal-familja, fil-wisgħa tat-tifsira li għandha llum, għal formazzjoni tal-karattru tat-tfal. L-esperjenza turina biċ-ċar li t-tfal tagħna jitilgħu aktar b’saħħithom fil-karattru tagħhom meta jkunu mrobbija f’kuntest ta’ familja tajba. Dan ma jfissirx li m’hemmx eċċezzjonijiet imma jidher ċar li l-familja hija l-pedament mhux biss tas-soċjetà imma anke tal-karattru ta’ wliedna.
Fl-istess waqt li ġejt mogħti din ir-responsabbiltà, ġejt mitlub ukoll biex inkun kelliem għan-newrodiverġenza.
Diversi kienu dawk li staqsewni xi tfisser din il-kelma. Din il-kelma tiġbor lil dawk it-tfal kollha li għandhom l-esperjenza ta’ ADHD, dyspraxia, awtiżmu u oħrajn. Illum il-ġurnata l-istudju jurina li dawn it-tfal mhumiex persuni meqjusa bħala diżabbli daqskemm li għandhom mod diverġenti/differenti ta’ kif jaħsbu u jgħixu.
Għalkemm m’għandix statistika li turi eżattament kemm għandna tfal b’dawn l-esperjenzi, kulħadd jaf li fostna għandna diversi tfal u familji li jgħixu din ir-realtà ta’ kuljum. Dawn huma ċittadini u tfal daqs oħrajn u għandhom jingħataw kull opportunità biex huma, mhux biss jgħixu t-tfulija tagħhom, imma jkunu protagonisti fis-soċjetà tagħna bil-mod tagħhom.
Għaldaqstant, bħala partit politiku ridna nwasslu messaġġ ċar. Ridna nkunu sensittivi mhux biss għalihom imma anke għal diversi ġenituri/familji li ta’ kuljum jgħixu din ir-realtà. U dawk li jgħixu din ir-realtà, jafu sew li mhix triq faċli. Sfortunatament ċertu attitudnijiet ta’ soċjetà, tas-sistemi edukattivi u anke ċerti deċiżjonijiet politiċi ma jgħinux lil dawn it-tfal/familji. Għalkemm għamilna passi ‘l quddiem, xorta hemm diffikultajiet li dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom iridu jegħlbu ta’ kuljum.
Għaldaqstant, bħala kelliem għall-ħarsien tat-tfal qiegħed inpoġġi dawn it-tfal/familji fuq quddiem għaliex verament nemmen fil-valur tal-inklużjoni. Flimkien ma’ naħa tal-Gvern u ma’ numru ta’ NGOs li jaħdmu f’dan is-settur irridu naħdmu b’għan wieħed.
It-tfal mhumiex biss il-preżent ta’ pajjiżna imma huma anke l-futur tagħna lkoll. Tajjeb li niftakru li 20, 30, 40 sena oħra ħafna minna nkunu mxejna l-mixja tal-ħajja kollha tagħna u nkunun ġbarna ma’ missieritna! Dan ifisser lit-tfal ta’ llum u ta’ għada ser ikunu ċ-ċittadin ta’ dan il-pajjiż!
Issa, l-istudju u l-esperjenza turina biċ-ċar li jekk it-tfal ikollhom esperjenza ħażina, trawmatika, jew qarsa ta’ tfulija, il-probabbiltà hija li huma jkollhom l-fażi l-oħra ta’ ħajjithom bl-istess mod. Dan iwassal għal diversi problemi serji, kemm fuq livell personali għalihom u kemm fuq livell ta’ soċjetà.
Għalkekk huwa fl-interess tagħna lkoll li naħdmu qatigħ biex dawn it-tfal mhux biss ngħaddulhom pajjiż tajjeb u b’valuri sodi imma wkoll li huma jkollhom formazzjoni ta’ karattru tajjeb biex b’hekk ikun ċittadin denju li jkompli jagħti ġieh lil dan in-nazzjon.
Il-ħidma tagħna trid tkun favur it-tfal kollha… kollha!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 7 ta' Ottubru, 2025)






