top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Are we now a neurotic nation?

Are we now a neurotic nation?

While the Labour government frequently highlights our resilient economy, many people are left wondering: at what cost? People are constantly on edge and ready to flare up. Credit: Shutterstock.com Although Malta is thriving economically, a closer look reveals growing signs of social strain, signs that are not only becoming increasingly visible but are also leaving lasting marks on the daily lives of many. It seems that more people are constantly on edge, irritable and ready to flare up at the...

16/12/25

It-tfal kollha kollha tagħna!

It-tfal kollha kollha tagħna!

Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm għandna l-istess dinjità umana. Issa, din id-dinjità ma tiddependix mill-abilitajiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Credit: Rawpixel / envato.com Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddiehor li għandu idejn, jisma’ u jara....

06/12/25

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista nieda proposta li jkun hemm fond għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irripettivament mill-familja tiegħu. Jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

25/11/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-loqom għal Lazzru

  • manuelschembri
  • Jan 17, 2016
  • 3 min read

Kellu raġun Simon Busuttil meta stqarr li dan il-Gvern jimxi 'ftit għalik u ħafna għalihom'.


ree

Lazzru kien raġel fqir. Ma kellux x’jiekol, x’jilbes. Ta’ kuljum huwa kien imur għand wieħed sinjur. It-tama tiegħu kienet li jiddobba xi ħaġa mingħandu. Għal Lazzru kollox kien jgħodd. Aħjar il-loqom li jista’ jiddobba minn taħt il-mejda tas-sinjur minflok l-għafsa taż-żaqq bil-ġuħ. Għal Lazzru, il-loqom li s-sinjur seta' jagħtih kienu bħal manna mis-sema. Imma s-sinjur ma kienx jimpurtah minn Lazzru. Kien irraġuna li jekk huwa tajjeb, allura kulħadd għandu jkun tajjeb. Din hija storja li diversi minna nafu. Hija storja li ntqalet aktar minn 2,000 sena ilu. Tinsab miktuba fl-Iskrittura Mqaddsa.

Għalkemm għaddew is-sekli, l-istorja ta’ Lazzru u s-sinjur hija storja reali. Ta’ kuljum. Storja li nistgħu narawha sseħħ mill-ġdid fid-dinja tal-lum. Ilkoll nafu bi stejjer ta’ min għandu ħafna u min għandu ftit, ta’ min jiffanga bil-kbir u min ma għandux għaxja ta’ lejl. Ilkoll nafu li hawn min huwa mejjet fis-sakra u min mejjet għal qatra.

Imma mhux biss. Lazzru tal-lum jista’ jkun dak l-anzjan waħdu f’dar kiesħa. Jista’ jkun dak li kellu jaħrab minn pajjiżu. Jista’ jkun dak li tilef l-impjieg. Jista’ jkun mixħut f’sodda ta’ mard jew ibati minn diżabbiltà fiżika jew mentali. Jista’ jkun xi ħadd li kien il-ħabs u issa qed jipprova jqum fuq riġlejh. Jista’ jkun dak li ma għandux saqaf fuq rasu. Jista’ jkun dak li jħossu waħdu u tilef kull sens ta’ ħajja. U s-sinjur? Huwa dak li ma jimpurtahx minn ħaddieħor u jinsab magħluq fid-‘dinja egoista’ għalih.

Sfortuatment, dawn l-istejjer se jibqgħu! Il-bniedem finnatura tiegħu jaf ikun ukoll egoist, iħobb jaħseb għal rasu u ftit jimpurtah li Lazzru jista’ ikun maġenbu. Din toħloq inġustizzja soċjali. Dan iwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza u żbilanċ soċjali. Hawn tidħol ir-responsabbiltà u r-rwol tal-politika. L-għan ewlieni tal-politika huwa biex kemm jista’ jkun hemm ugwaljanza soċjali. B’hekk ħadd ma jibqa’ lura. L-għan ta’ min huwa fil-politika huwa li jinħolqu skemi u inizjattivi biex is-soċjetà tkun ġusta u ugwali għal kulħadd. B’hekk il-ħafna jispiċċaw igawdu u mhux il-ftit.

Din tissejjaħ politika tal-ħafna fuq il-ftit.

F’Malta għandha żieda ta’ persuni f’riskju li jkunu bħal Lazzru. Fl-aħħar sentejn, dawk f'riskju ta’ faqar żdiedu għal madwar 100,000. Għalkemm il-Gvern wettaq xi inizjattivi favur il-fqir u ż-żgħir, inħoss li dawn huma biss loqom, bħal dawk li kien jiddobba Lazzru! Nistaqsi: Meta l-Gvern Laburista jiftaħar kemm sejra tajba l-ekonomija u kemm hawn ġid, dawn il-miżuri huma meqjusa loqom għal ġid kollu li hawn?

Meta tqabbel iż-żdieda ta’ €4.15 fil-ġimgħa lil 12,000 pensjonant (li huma fuq il-pensjoni minima), din se tfisser nefqa ta’ madwar €2.5 miljun. Min-naħa l-oħra, tal-Cafè Premier ingħataw madwar €4.2 miljun. Allura dawn mhux loqom jissejħu? U meta l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu lin-nazzjon mill-kċina swietilna €8,474, għal pensjonanti ma kellux aktar? U meta saret tinda li ma ntużatx waqt iċ-CHOGM, fejn xi ħadd tal-qalba tħallas b’direct order €100,000 mhux bilfors tgħid li dawn huma biss loqom? U meta tqabbel li dawk il-koppji li jaħdmu u għandhom komputazzjoni waħda ta’ taxxa se jiffrankaw biss €180 fis-sena u koppja miżżewġa li jaqilgħu sa €21,000 fis-sena se jiffrankaw biss €210 fis-sena u mbaghad tara l-pagi u salarji ta’ ċerti ‘konsulenti ħbieb’ b’salarji ta’ €80,000 u aktar, wieħed x'jgħid? U meta wieħed jiftaħar li first time buyers iffrankaw sa massimu ta’ €5,000 (u tinsa li qabel kien hemm skema aktar vantaġġjuża) u mbagħad lil xi ħadd tal-qalba, mhux biss jingħata kariga għolja, imma jixtri post bi € 8,000 biss, wieħed jibqa’ bla kliem! U meta wieħed iqabbel iż-żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 u l-paga ta’ xi ħadd bi €13,000 fil-ġimgħa? Xi tgħid meta persuni li għandhom bżonn dar tal-Gvern jew skema ta’ manutenzjoni fid-djar tal-Gvern jgħidulhom li m'hemmx flus, biex imbagħad jinstabu flus kbar ħalli jingħataw ’il fuq minn 25 promozzjoni fl-istess Dipartiment tad-Djar?

Din hija inġustizzja soċjali, aktar u aktar meta wieħed jiftakar li l-Partit Laburista huwa partit li l-għeruq tiegħu suppost huma li jieħu ħsieb persuni bħal Lazzru! Jidher li l-Partit Laburista tbiegħed mill-għeruq li sawruh. Ċerti ‘pampaluni’ fi ħdanu, ħadu deċiżjoni li sakemm idumu fit-tmexxija se jsiru sinjuri kbar! Imma jkun tajjeb jekk dawn il-‘pampaluni’ jaqraw sew kif spiċċat l-istorja ta’ Lazzru u s-sinjur! Kellu raġun Simon Busuttil meta stqarr li dan il-Gvern jimxi ‘ftit għalik u ħafna għalihom’. Din hija politika inġusta tal-ftit fuq il-ħafna.

Lazzru tal-lum ma jistennix loqom imma dinjità.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 17 ta' Jannar, 2016)

BACK
bottom of page