top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Mental health is not a political slur

Mental health is not a political slur

When politics trivialises mental health, everyone suffers. Mental health remains a stark reality, even among children and young adolescents. Recent data indicates that more than one in six people in Malta, roughly 120,000 citizens, live with a mental health condition, with anxiety and depression being the most common.

18/03/26

Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet

Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet

Qiegħed nipproponi li biex neliminaw din il-frammentazzjoni u jkun hemm ‘management’ aħjar u verament effikaċi, allura għandu jkun hemm One-Stop-Shop li joġbor lil kulħadd u kollox f’entità waħda. Credit: Shutterstock.com Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet maħruġa f’żoni pubbliċi u fuq bankini, saret kwistjoni nazzjonali.  Huma diversi dawk ir-residenti f’diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna li qegħdin jilmentaw u jipprotestaw kif żoni pubbliċi qegħdin jispiċċaw meħuda minn numru ta’...

01/03/26

The silent victims of domestic violence

The silent victims of domestic violence

Research consistently shows that children who are regularly exposed to domestic violence suffer harm even when they are not physically assaulted. Why is it that, very often, the victim and the children are the ones to leave the family unit?

19/02/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Kulħadd b'xortih

  • Sep 12, 2015
  • 3 min read

Dawk li huma foqra huma meqjusa 'illegali' imma dawk li qarrqu u allura jinsabu fostna b'mod illegali, mhumiex.



Għal min jemmen bix-xorti, id-destin huwa diġà miktub għalih. Għal min jemmen fid-destin, wieħed ma għandux triq oħra ħlief li jsegwi dak li diġà hemm miktub għalih fil-ktieb tal-ħajja. Min jemmen bix-xorti, jistqarr li dak li jiġri f’ħajjitna kien imħejji minn qabel. Għaldaqstant ikun għalxejn li wieħed jipprova jevitah. Kulma wieħed jista’ jagħmel huwa li jilqa’ dak li jiġri f’ħajtu b’rassenjazzjoni! Lil xi wħud, ix-xorti titbissmilhom. Lil oħrajn, ix-xorti tbikkihom. Kulħadd b’xortih!

Ħudu l-eżempju tat-tfajjel Sirjan li spiċċa fuq xtajta mgħarraq. Għal min jemmen fid-destin, dan it-tfajjel kellu xortih ħażina! Mhuwiex waħdu. Diversi persuni jiġu fostna fuq laqxa ta’ dgħajsa. Jiġu bi ħwejjiġhom senduqhom. Waqt li jħallu l-miżerja warajhom, jiġu biss bit-tama ta’ ħajja aħjar. Xi wħud spiċċaw

bħat-tfajjel Sirjan, mgħarrqa fil-baħar. Oħrajn spiċċaw ‘immigranti illegali’. Kulħadd b’xortih!

Nieħdu eżempju ieħor. Diversi oħrajn, l-aktar mil-Libja, ġew fostna bil-familji tagħhom. Ġew bl-ajruplan jew bil-karozzi lussużi. Għall-kuntrarju tal-‘immigranti illegali’, dawn ġabu magħhom ħafna flus. Krew jew xtraw appartamenti lussużi. Issa skoprejna li madwar 850 minnhom kienu qarrqu. Smajna li taw informazzjoni mhux korretta biex setgħu jingħataw permess ta’ residenza. Għalkemm daħlu f’pajjiżna bil-qerq, u allura b’mod illegali, ma jissejħulhomx ‘immigranti illegali’. Insejħulhom u nżommuhom bħala investituri. Kulħadd b’xortih!

Jien ma nemminx bix-xorti. Ma nemminx bid-destin. Nemmen bis-sħiħ li aħna l-bennejja tad-destin tagħna. Aħna maħluqa mill-Ħallieq bħala persuni liberi. M’aħniex robots. Ħajjjitna hija magħmula mid-deċiżjonijiet – tajbin jew ħżiena, żgħar u kbar – li nkunu ħadtna. Għalkemm l-ambjent ta’ madwarna u persuni oħrajn jistgħu jinfluwenzawna, xorta jista’ jkollna l-aħħar kelma. U għaliex ħadd mhu gżira għalih innifsu, is-sistemi politiċi jgħinuna nibnu ħajjitna f’soċjetá ċivili.


Għaldaqstant, l-eżempji li qed inġib mhumiex frott tax-xorti imma frott tad-deċiżjonijiet politiċi.

It-tfajjel Sirjan ma għeriqx b’xorti ħażina imma minħabba politika żbaljata. Il-persuni msejħa ‘immigranti illegali’ ma jissejħux hekk minħabba x-xorti ħażina tagħhom imma minħabba politika popolari mibnija fuq biża’ u nuqqas ta’ sigurtá. Min-naħa l-oħra, lanqas dawk it-850 li daħlu bil-qerq fostna u huma miżmuma fuq wiċċ l-idejn ma għandhom xortihom tajba, imma kienet deċiżjoni politika maħmuġa.

U hawn toħroġ b’mod ċar l-ipokresija tal-Gvern Laburista. Il-Gvern Laburista, lil dawk li ġew fuq laqxa ta’ dgħajsa, foqra u mċerċra ried jibgħathom lura – push back kien qalilna. L-arjuplan kien diġà mħejji biex jeħodhom lura! Wara pressjoni, il-Gvern kellu jilqagħhom. Huma meqjusa bħal invażuri. Għal xi wħud, dawn ġew biex jieħdu ħobż uliedna. Ċerta media tkabbar kull żball li jsir minnhom biex il-poplu jkompli jitbeżża’ minnhom.

Min-naħa l-oħra, dawk il-Libjani sinjuri li daħlu wkoll b’mod illegali huma meqjusa u milqugħa bħala investituri. Hekk stqarr Joe Sammut, eksteżorier u ekskandidat tal-Partit Laburista! Nixtieq inkun ċar: ma għandi l-ebda problema b’dawn il- Libjani fostna sakemm kollox huwa legali. Ma għandi l-ebda problema li huma Musulmani jew li jilbsu b’mod differenti. Lanqas mhi problema għaliex diversi minnhom kienu ħbieb tar-reġim ta’ Gaddafi u donnha Malta qiegħda sservi bħalma l-Arġentina serviet bħala post sikur għal diversi persuni viċin ir-reġim Nażista u Faxxista.

Id-diffikultà prinċipali hija l-ipokresija tal-Gvern Malti. Nies u familji li huma foqra mhumiex milqugħa waqt li dawk sinjuri huma milqugħa bit-tapit l-aħmar. Dawk li huma foqra huma meqjusa ‘illegali’ imma dawk li qarrqu u allura jinsabu fostna b’mod illegali, mhumiex. Jekk persuni li daħlu b’mod illegali jinżammu f’detenzjoni, għaliex dawn it-850 li daħlu b’mod illegali (għaliex qarrqu) huma stmati differenti? Din mhix inġustizzja soċjali? Il-liġi mhix l-istess għal kulħadd?


U din l-inġustizzja mhix biss mal-‘immigranti illegali’ imma maċ-ċittadini Maltin ukoll. Jekk persuna li tapplika għas-servizzi soċjali, tagħti informazzjoni ħażina u din il-persuna tinqabad, il-persuna titlef il-benefiċċji kollha. Jekk negozjant ma jiddikjarax kollox, huwa jiġi mmultat u saħansitra jista’ jispiċċa l-ħabs.

X’inġustizzja!

L-ipokresija tal-Gvern tkompli toħroġ meta fl-aħħar jiem, tħabbret skema ġdida fejn persuna barranija jista’ jkollha l-permess ta’ residenza jekk tikri jew tixtri proprjetà ta’ ċertu livell. Il-Gvern Malti biex isalva wiċċu ma’ dawn it-850 persuna, issa qal li dawn jistgħu japplikaw għal din l-iskema. Għalihom il-flus mhumiex problema! Skema maħduma bizzilla għalihom. Kulħadd b’xortih!

Għalija dan huwa għerq. Din hija inġustizzja soċjali. Din hija politika ipokrita li timxi mod mal-fqir u l-batut waqt li timxi differenti ma’ min huwa sinjur. Id-dinjità umana ma titqiesx skont kemm wieħed għandu flus!

Eżempju ieħor kif il-Partit Laburista tbiegħed mill-għeruq tiegħu!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 13 ta' Settembru, 2015)

BACK
bottom of page