top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

L-aħħar kelma

  • Mar 29, 2016
  • 3 min read

Quddiem il-ħażin u t-tbatija li hemm fina u madwarna hemm messaġġ wieħed: wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Dan hu messaġġ sempliċi imma profond.



Kollox hu mitmum. Din kienet waħda mill-aħħar karbiet li ħarġet minn fommu. Kien raġel kwiet. Kien raġel li kliemu kien kollu ħlewwa u mogħdrija. Kien raġel li fejjaq lil diversi u saħansitra tema’ lil min kien bil-ġuħ. Għalkemm kien raġel min-Nażaret imma kien l-Iben t’Alla li sar bniedem u għammar fostna.

Dawk li kienu jinqarsu minn kliemu raw kif għamlu biex jeħilsu minnu. Kelmtu kienet qarsithom fil-laħam il-ħaj. Bil-ġisem mitluq mejjet fuq l-għuda, dawk li salbuh ħadu nifs ’il ġewwa. Straħu. Fl-aħħar ħelsu minnu, ħasbu huma. Tbissmu għaliex ħasbu li kellhom l-aħħar kelma.

Imma l-kelma kienet ta’ dak li wara tlett ijiem ħalla l-qabar. L-aħħar kelma kienet ta’ dak li qam minn l-imwiet u reġa’ deher lill-ħbieb tiegħu. Għalfejn qegħdin tfittxuh fost il-mejtin? Dak li kien mejjet reġa’ qam. Dak li kien mitluf f’ħalq il-mewt sar sid talistess ħajja. B’mewtu fuq is-salib, Ġesù għalaq kapitlu. Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesù fetaħ kaptilu ġdid. Fil-qosor, dan kien il-bidu ta’ mixja oħra.

Il-messaġġ kien wieħed car: l-aħħar kelma hi tal-verità. L-aħħar kelma hi tas-sewwa. Il-ħażin qatt mhu se jirbaħ. Il-ħażin jista’ jirbaħ battalja imma ma jistax jirbaħ il-gwerra. Illum jew għada, hu t-tajjeb li għandu l-aħħar kelma. Wara l-bżieq mitfugħ, wara d-daqqiet li ngħataw, wara l-għajjat li sar, wara t-tbatija u ħruxija kollha, is-sewwa ħareġ rebbieħ. Tassew dak li jingħad, li s-sewwa jirbaħ żgur!

Dan hu messaġġ li jgħodd għalina lkoll.

Ilkoll għaddejna jew għaddejjin minn tbatijiet tal-ħajja. Ilkoll kemm aħna kellna jew għandna l-mumenti diffiċli tagħna. Min għandu l-piż tal-mard xi jġorr. Min għandu ċerti diżappunti minn uliedu, li xi drabi jafu joffru. Min għandu ċerta rabja lejn il-ġenituri tiegħu jew lejn persuni li kien iħobb għaliex iħoss li naqsuh. Min għadu kemm spiċċa minn relazzjoni ta’ mħabba u jħossu tradut jew użat. Min għadu kemm tilef xi ħadd għażiż li miegħu/magħha kellu storja sabiħa. Min iħossu waħdu donnu f’deżert. Min iħossu skjav tal-vizzju li ħakmu. Min jaf kemm hawn min għaddej minn tbatija u qtigħ il-qalb! Min jaf kemm hawn min iħoss it-toqol tas-salib jagħfas fuq spallejh!

Għalkemm il-piż ta’ kull tip tas-salib iħalli l-marka tiegħu imma tajjeb li nemmnu li għada jew pitgħada se jisbaħ ukoll! Għada se jkun aħjar mil-lum. Għada se jerġa’ jisbaħ għal jum aħjar. Għada t-tajjeb se joħroġ rebbieħ. Għaldaqstant, wieħed għandu jkollu l-kuraġġ u d-determinazzjoni li jkompli miexi u jħares ’il quddiem.

Dan ma jgħoddx biss għal ġrajjiet personali. Dan jgħodd ukoll għal ġrajjiet nazzjonali u anki dawk internazzjonali. Ilkoll nafu li donnu dan f’pajjiżna m’għadux dak li nafuh aħna. Ilkoll naraw li donnu l-ħażin qiegħed kulma jmur isir meqjus bħala tajjeb. Dak li hu iswed qed jiġi meqjus bħal donnu li sar abjad. Ilkoll naraw li donnu kulħadd jista’ jgħid u jagħmel li jrid. Li kollox jgħodd u jgħaddi. Ilkoll nafu li anke min suppost li jagħti l-eżempju ta’ serjetà u onestà qiegħed jonqos bil-kbir.

Biżżejjed wieħed isemmi l-iskandli kollha li qegħdin jinħarġu. Mhux biss. Tajjeb li nsemmu wkoll dawk il-ġrajjiet internazzjonali bħal dawk fejn eluf ta’ persuni jispiċċaw jaħarbu minn djarhom, l-abbuż fuq ittfal, il-gwerer bla sens u l-attakki terroristiċi fuq persuni innoċenti bħalma kellna dan l-aħħar fi Brussell u fil-Pakistan. Quddiem dan kollu, ir-raġel li qam mill-imwiet u ħalla l-qabar vojt qiegħed iwassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama.

Quddiem il-ħażin u t-tbatija li hemm fina u madwarna hemm messaġġ wieħed: wara l-maltemp jiġi l-bnazzi.

Dan hu messaġġ sempliċi imma profond. Dan hu messaġġ ċar li llum jew għada l-aħħar kelma mhix tal-ħażin jew ta’ dawk li jżommu miegħu. L-aħħar kelma hi dejjem tat-tajjeb u tas-sewwa.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 29 ta' Marzu, 2016)

BACK
bottom of page