top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Meta l-persuni jiġu l-ewwel (1)

  • Feb 15, 2015
  • 3 min read

Ħidma politika li mhix mibnija daqstant dwari, dwar l-ambizzjonijiet jew il-proġetti tiegħi jew inkella x'nista' nakkwista, imma hija dwarna u dwar id-diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tagħna lkoll.



Il-politika għalija


Għalkemm diversi drabi, meta wieħed isemmi l-kelma ‘politika’, jiġu f ’moħħu stejjer ta’ politika żbaljata, jiena nagħżel li nżomm li l-politika hija waħda minn diversi mezzi kif fis-soċjetà wieħed jista’ jagħmel differenza pożittiva b’tali mod li jkollna soċjetà bi kwalità ta’ ħajja aħjar.

Għalkemm nistqarr li l-involviment tiegħi fil-politika mhux se jkun xi passiġġata, nemmen li fl-aħħar 30 sena dejjem għażilt li nħares lejn l-awtorità bħala mezz ta’ servizz lejn l-oħrajn. Fid-diversi rwoli u responsabbiltajiet li kelli matul is-snin u bil-limitazzjonijiet kollha tiegħi, dejjem ippruvajt nagħti

sehmi bl-aħjar mod li stajt.

Għaldaqstant, f ’dan il-kuntest nixtieq insemmi fil-qosor xi punti fundamentali ta’ xi tfisser il-politika

għalija u x’inhuma l-valuri li fl-opinjoni tiegħi għandhom idawru l-politika. B’hekk wieħed ikun jaf

kif naħsibha u x’jistenna minni.

Għalija l-politika tfisser:


Għotja ta’ servizz u impenn sħiħ lis-soċjetà f’servizz lill-oħrajn. Dan huwa l-għan ewlieni li għandu jibqa’ dejjem preżenti fil-qalb u fil-moħħ ta’ kull politiku. Xejn aktar, xejn inqas. Permezz ta’ dan l-impenn, is-soċjetà tista’ tkun aktar ġusta, aktar umana u inklużiva biex l-ebda persuna ma tibqa’ lura.

Impenn soċjali fejn il-persuna hija fiċ-ċentru tal-ħsieb politiku. Is-soċjetà turi l-kwalità taċ-ċiviltà tagħha meta tħaddem politika b’kuxjenza soċjali. Politika soċjali ġusta tfisser meta l-persuna ma tkunx għas-servizz tal-ekonomija u l-profitt imma huma l-ekonomija u l-profitt li huma għas-servizz tal-persuna. Soċjetà li ma tiħux ħsieb persuni vulnerabli hija soċjetà li tilfet il-ġewwieni tagħha.

Solidarjetà. Wieħed mill-għanijiet tal-politika huwa li twassal, li twieżen lil dawk li waqgħu lura fil-ħajja. Għalkemm sfortunatament dejjem se jibqa’ jkun hawn persuni li, għal raġuni jew oħra, se jaqgħu lura u xi wħud minnhom għandhom ‘faqar strutturali’, il-politika soċjali vera trid toffri mhux biss il-‘ħuta’ imma anke l-‘qasba’. Is-solidarjetà tilħaq verament il-milja tagħha meta toffri l-kapaċità li wieħed iqum verament fuq riġlejh – dak li bl-Ingliż jissejjaħ empowerment. Il-politiċi ma jistgħux ‘jużaw’ lil persuni vulnerabbli biex jidhru huma ġenerużi! Il-politiċi ma jistgħux iżommu l-batut lura biex dan jibqa’ jiddependi fuqhom. Is-solidarjetà mhijiex pjaċir imma dmir. Is-solidarjetà mhijiex klijenteliżmu imma dinjità. Is-solidarjetà vera tagħti d-dinjità u mhux twassal għal dipendenza.

Tisma’ lil kull ċittadin għax kull ċittadin għandu valur. Il-politika trid issib il-ħin u tieħu attitudni li tisma’ s-suġġerimenti, id-diffikultajiet, l-opinjonijiet, l-istejjer u l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. Kull ċittadin għandu ‘l-istorja’ tiegħu xi jgħid. Meta l-politika tieqaf tisma’, tispiċċa tingħalaq fiha nnifisha u tispiċċa politika rettorika tal-ftit.

Preżenza fost iċ-ċittadini. Jekk il-politika trid tagħmel sens liċ-ċittadini, il-politiku jibqa’ viċin u jkun jaf sew il-polz taċ-ċittadin. Dan ma jfissirx li l-politika tispiċċa tkun populista, kif xi drabi sfortunatament jiġri. Jekk iseħħ dan, allura nispiċċaw qisna qasba li tixxejjer ma’ kull riħ. Politika viċin in-nies tfisser politika li tkun ispirata mill-ħajja, ispirazzjoni u l-ġrajjiet ta’ kuljum bil-għan li għada jkun aħjar mil-lum.

Mixja li wieħed irid jaħdem kontinwament ma’ oħrajn biex jakkwista l-fiduċja ta’ sħabu ċ-ċittadini. L-istorja turina biċ-ċar li l-poplu jtellagħna u huwa l-poplu li jniżżilna! Għaldaqstant wieħed irid jirrispetta l-intelliġenza ta’ kull ċittadin. Il-fiduċja ma tiġix bi dritt imma b’ħidma serja, umli u kontinwa.

Ħidma politika li mhix mibnija daqstant dwari, dwar l-ambizzjonijiet jew il-proġetti tiegħi jew inkella x’nista’ nakkwista, imma hija DWARNA u dwar id-diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tagħna lkoll. Il-mentalità ta’ AĦNA trid tkun akbar mill-mentalità tal-JIEN.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 15 ta' Frar, 2015)

BACK
bottom of page