top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Mental health is not a political slur

Mental health is not a political slur

When politics trivialises mental health, everyone suffers. Mental health remains a stark reality, even among children and young adolescents. Recent data indicates that more than one in six people in Malta, roughly 120,000 citizens, live with a mental health condition, with anxiety and depression being the most common.

18/03/26

Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet

Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet

Qiegħed nipproponi li biex neliminaw din il-frammentazzjoni u jkun hemm ‘management’ aħjar u verament effikaċi, allura għandu jkun hemm One-Stop-Shop li joġbor lil kulħadd u kollox f’entità waħda. Credit: Shutterstock.com Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet maħruġa f’żoni pubbliċi u fuq bankini, saret kwistjoni nazzjonali.  Huma diversi dawk ir-residenti f’diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna li qegħdin jilmentaw u jipprotestaw kif żoni pubbliċi qegħdin jispiċċaw meħuda minn numru ta’...

01/03/26

The silent victims of domestic violence

The silent victims of domestic violence

Research consistently shows that children who are regularly exposed to domestic violence suffer harm even when they are not physically assaulted. Why is it that, very often, the victim and the children are the ones to leave the family unit?

19/02/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Ras taż-żonqor

  • Jun 20, 2015
  • 3 min read

Il-Gvern ma jistax jibqa' ras taż-żonqor fuq il-Ponta taż-Żonqor.



Bħal kull espressjoni bil-Malti, din l-espressjoni ġejja mill-esperjenza tal-ġrajjiet tal-ħajja. Tingħad lil xi ħadd li ma jkun irid jisma’ b’xejn. Għalxejn wieħed jipprova jfiehem lill-persuna. Tgħid xi tgħid, il-persuna tibqa’ ssostni u tiġġustifika l-punt tagħha. Dan iseħħ forsi għaliex il-persuna tkun diġà ħadet id-deċiżjoni.

Ħafna drabi, din l-espressjoni hija komuni fuq fomm il-ġenituri. Imma mhux biss. Aktar ma jgħaddi ż-żmien u aktar ma jinħarġu stejjer bi rwejjaħ ta’ korruzzjoni u dellijiet ta’ intriċċi moħbija, is-soċjetà ċivili aktar qiegħda tuża din l-espressjoni għat-tmexxija ta’ pajjiżna. Ċittadin attiv li għalih mhux kollox jgħodd u mhux kollox jgħaddi, qiegħed isib lilu nnifsu jgħid din l-espressjoni – ras taż-żonqor – lil dan il-Gvern li tela’ bl-għajta li se jkun gvern li jisma’. Minn gvern li jisma’ nbidel fi gvern li jisma’minn ċerti ‘nies’ jew gruppi li għandhom interess wieħed: kif isiru sinjuri minn fuq dahar Malta. Iċ-ċittadin attiv qiegħed iħoss li l-Gvern qiegħed ikun rasu taż-żonqor.

Il-każ tal-Ponta taż-Żonqor f’Marsaskala huwa wieħed minn sensiela. Ġie eżatt wara l-każ tal-Cafè Premier. Hawn ukoll il-Gvern kellu ras taż-żonqor. Spiċċa li ma sema’minn ħadd. Daħħal f’moħħu li jħallas €4.2 miljun mit-taxxi tagħna. U hekk għamel. Hemm ‘stejjer’ oħra li jkomplu din il-kullana ta’ ras iebsa, bħalma huma l-iżvilupp fil-Qala, Għawdex, l-iżvilupp ta’ art għall-isparar fil-Mosta, u x-xiri ta’ parti mill-palazzin fil-Belt!

Quddiem dan kollu, nistaqsi: għaliex din l-ebusija tar-ras? Forsi l-Partit Laburista kellu jew għandu ftehim jew obbligi ma’ ċerti nies jew għaqdiet li saru qabel l-elezzjoni? Irid issa jżomm kelmtu magħhom? Jekk il-Partit Laburista jrid iżomm l-unur tal-kelma magħhom, għaliex mhux qiegħed iżomm l-unur tal-kelma magħna?

Ilkoll niftakru l-wegħda li se jkun gvern li jisma’ u kontabbli? Qabel l-elezzjoni, diversi żviluppaturi bdew juru interess qawwi li jixtru biċċiet ta’ art agrikola bl-irħis madwar din illokalità. Jekk tinbena din ‘l-università’, ikun hemm bżonn ukoll bini ieħor fil-viċinanzi biex jagħti sostenn. L-ebda żviluppatur ma jixtri art agrikola biex imur joqgħod jaħdimha! Jakkwistaha biex jiżviluppaha. Proprju għalhekk jissejjaħ żviluppatur u mhux bidwi! Issa lkoll nafu li art agrikola li tinbidel f’art ta’ żvilupp hija art li tiswa mitqlu deheb. F’ħakka t’għajn wieħed isir sinjur.

Nafu li dawn l-iżviluppaturi huma qrib il-Partit Laburista. Ħbieb tal-ħbieb! Xi wħud ilhom ‘ħbieb’minn żmien Lorry Sant!


Nistaqsi: Erġajna għal dak iż-żmien ta’ korruzzjoni? Dan jgħodd ukoll għall-proposti l-oħra f’Għawdex, fil-Mosta u fil-Belt? Il-fehma ta’ diversi – u kienu diversi – hija li din l-‘università Amerikana’ mhi Amerikana xejn ħlief fl-isem. Diversi sostnew li mhu se jkun hemm l-ebda ġid ekonomiku għan-nies tal-madwar.

Nammettu, jekk lanqas Smart City ma ġab gwadann ekonomiku dirett lir-residenti tax-Xgħajra, lanqas dan mhu se jġib! Diversi tkellmu fuq l-impatt soċjali li se jħallu 4,000 żagħżugħ/a fuq il-komunità. Staqsu lir-residenti f’Paceville, fis-Swieqi u f’San Ġiljan. Diversi wkoll staqsew x’jiġri jekk din l- ‘università’ ma taqbadx. Tinbidel f’appartamenti? Forsi għalhekk iridu li din tinbena quddiem il-baħar? Oħrajn semmew li biex verament dan l-iżviluppatur tal-lukandi jkun moqdi verament, l-istandards ta’ kwalità se jonqsu. Żgur li ħadd ma jemmen li dan sar b’kumbinazzjoni, kif sostna xi ħadd bravu.

Għal ħafna, l-akbar karba hija li ż-Żonqor huwa ODZ (zona barra mill-iżvilupp). Nemmen li l-ftit ODZ li baqa’ għandu jibqa’ ODZ. Mhux biss fiż-Żonqor, imma kull fejn huwa ODZ. L-ebda ODZ m’għandu jagħmel tajjeb biex jistagħna xi żviluppatur Malti jew xi barranin. Għaldaqstant, ilqajt bil-ferħ id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta qal li l-ODZ irid jibqa’ jkun protett u offra direzzjoni għall-ġejjieni. B’hekk nistgħu nerġgħu nkunu kredibbli!

Il-bieraħ is-soċjetà ċivili nġabret flimkien – aħna min aħna – biex semmgħet leħinha. Il-messaġġ kien u jibqa’ sempliċi. Il-Gvern ma jistax jibqa’ ras taż-żonqor fuq il-Ponta taż-Żonqor.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 21 ta' Ġunju, 2015)

BACK
bottom of page