top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Sfidi għal persuni nieqsa mis-smigħ

Sfidi għal persuni nieqsa mis-smigħ

F’dawn il-ġranet fil-Parlament tkellimna dwar il-lingwa tas-sinjali għal persuni nieqsa mis-smigħ, u fuq il-ħtieġa li jkun hemm interpreti li jkunu kwalifikati bil-warrants biex hekk jintlaħaq livell ta’ professjonalità. Credit: Shutterstock.com Fid-diskors tiegħi tkellimnt li l-lingwa tas-sinjali ilha tkun mgħallem f’pajjiżna lura minn 1950. Fl-2016 ġiet approvata bħala lingwa uffiċċjali, flimkien mal-Malti u l-Ingliż. Imma għalkemm matul dawn is-snin saru diversi passi ’l quddiem, imma bejn...

07/11/25

Overcoming invisible barriers

Overcoming invisible barriers

Children deserve all the opportunities they may get to reach their full potential. Let us put our money where our mouth is and walk the talk. Credit: LightFieldStudios / Envato.com Children are our future. What we decide today will impinge on their future. In other words, their future depends on the decisions we take today. That children deserve all opportunities they may get, to reach their full human potential, is a statement that we can all concur with. However, children who are...

04/11/25

Trolls theddida għad-demokrazija?

Trolls theddida għad-demokrazija?

Dan l-aħħar għamilt diskors f’dan il-ħin tal-aġġornament dwar id-deċizjoni tal-Gvern Laburista li jiddeporta tliet Etijopjani li kienu ilhom f’Malta għal dawn l-aħħar 15 u 18 ‘il sena.

06/10/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Xemgħat quddiem San Mikiel

  • manuelschembri
  • Mar 12, 2017
  • 3 min read

Simon Busuttil quddiem sitwazzjoni fejn negozjant partikulari pprova 'jixtri' s-silenzju tiegħu, wera sens qawwi ta' onestà u tmexxija.


ree

Il-Kappillian kellu kurżità kbira. Ta’ kuljum, waħda xwejħa kienet tiġi fil-knisja tixgħel żewġ xemgħat quddiem l-istatwa tal-Arkanġlu San Mikiel b’saqajh fuq ras ix-xitan. Darba minnhom, il-Kappillan staqsa lix-xwejħa għala tiġi tixgħel żewġ xemgħat u mhux waħda. Ix-xwejħa weġbitu: “Sur Kappillian, nixgħel żewġ xemgħat għax fil-ħajja ma tafx lil min tiġi bżonn, jekk hux lil San Mikiel jew lil ta’ taħtu.”

Diversi persuni jirraġunaw b’dan il-mod. Diversi negozjanti huma tal-fehma li tajjeb li jżommu relazzjoni tajba maż-żewġ partiti prinċipali. Għal dawn in-negozjanti huwa importanti li jkollhom bieb miftuħ maż-żewġ naħat. Fil-fehma tagħhom, daqqa jkollu bżonn lil wieħed u ħames snin wara jkollhom bżonn lill-ieħor. Għaldaqstant, huma diversi n-negozjanti li jispiċċaw ‘jixegħlu xemgħa’ liż-żewġ naħat.

Huwa fatt magħruf minn kulħadd li ż-żewġ partiti politiċi jirċievu d-donazzjonijiet mhux biss mingħand iċ-ċittadini imma anke mingħand negozjanti u kumpaniji kbar. Din hija sistema li ma tinsabx biss fostna imma sseħħ f’demokraziji oħra ’l bogħod minn xtutna.

Għalkemm wieħed irid jistqarr li huma diversi dawk in-negozjanti onesti li meta jagħtu d-donazzjonijiet liż-żewġ partiti poltiċi, ma jistennew xejn lura, hemm oħrajn li meta ‘jixegħlu xemgħa’, jagħmlu dan biex it-talba tagħhom tintlaqa’ fil-mument tajjeb. Għal dawn in-negozjanti partikulari, l-għotja tagħhom mhix donazzjoni imma investiment. L-għan aħħari tagħhom wara kull donazzjoni huwa li permezz tal-għotjiet tagħhom huma jistgħu b’xi mod ikollhom effett fuq il-partit li jkun fil-Gvern.

Nistqarr bla tlaqliq li għalkemm din hija s-sistema li s’issa kellna, diversi drabi sibt lili nnifsi nistqarr li ma naqbilx magħna. Nemmen li din is-sistema hija miftuħa ħafna għal rikatt, pjaċiri, klijenteliżmu, bdil ta’ policies u għal korruzzjoni. Eżempji ta’ dan kellna ħafna fl-aħħar erba’ snin. Matul dan iż-żmien il-Partit Laburista deher ċar li huwa obbligat lejn negozjanti partikulari. Il-masterplan ta’ Paceville, l-għotja tal-art tal-ITS, l-iżvilupp fl-Imrieħel, fiż-Żonqor, il-proġett ta’ Townsquare, id-diversi permessi maħruġa juru biċ-ċar li negozjanti partikulari kienu se jinqdew mill-koxxa. ‘Ix-xemgħa’ li xegħlu qabel l-elezzjoni fir-raba’ sular ħallet il-frott mixtieq.

Din hija sistema li tkompli tnawwar il-fiduċja li l-poplu għandu lejn il-partiti politiċi. Sfortunatament, huma diversi ċ-ċittadini li għandhom din l-isfiduċja fil-partiti poltiċi. Il-biża’ tagħhom hu li ż-żewġ partiti politiċi huma ‘viċin’ ħafna ta’ dawn in-negozjanti li jagħmlu minn kollox biex jikkontrollaw liż-żewġ partiti. Dak li ġara din il-ġimgħa jikkonferma dawn il-biżgħat! Imma filwaqt li l-Partit Laburista qiegħed jipprova jaqdi lil dawn in-negozjanti, Simon Busuttil quddiem sitwazzjoni fejn negozjant partikulari pprova ‘jixtri’ s-silenzju tiegħu, wera sens qawwi ta’ onestà u tmexxija. Fid-dawl li Simon Busuttil talab li l-Awditur Ġenerali jinvestiga kif art kbira fl-lokalità li tiswa mitqlu deheb spiċċat tingħata bi 15-il miljun biss (li minnhom se jħallas biss 5 miljuni, u dan meta fil-masterplan ippubblikat mill-istess Awtorità tal-Ippjanar din l-art kienet stmata ’l fuq minn 200 miljun), in-negozjant partikulari spiċċa jara aħmar! Għalkemm dan in-negozjant ipprova mhux biss jitfa’ ddubju imma jġib lill-PN finanzjarjament dahru mal-ħajt, pront Simon Busuttil qallu li mhux se jirnexxilu. Simon Busuttil wera għal darba oħra biċ-ċar id-determinazzjoni tiegħu li jnaddaf il-politika. Mingħajr tlaqliq, stqarr li mhu se jkun ‘fil-but’ ta’ ħadd!

Ċerti politiċi donnhom huma biss pupazzi. Din hija manipulazzjoni tad-demokrazija. Din hija l-vera theddida għad-demokrazija. Dan għaliex flok l-awtorità qiegħda f’idejn minn aħna nagħżlu li jmexxina, fir-realtà huma dawn in-negozjanti li qegħdin imexxu skont l-interessi kummerċjali tagħhom! Quddiem din is-sitwazzjoni kien għaqli li Simon Busuttil iwaqqaf kummissjoni biex tara s-sistema ta’ finanzjament tal-partiti. Waqt li l-Partit Laburista għadu s’issa lanqas ma rreġistra d-dħul tiegħu mal-Kummissjoni Elettorali, Simon Busuttil qiegħed ikun proattiv quddiem problema serja. Iż-żewġ partiti politiċi, jekk verament jemmnu li qegħdin hemm biex jaqdu lis-soċjetà bl-onestà u bl-integrità, iżommu ’l bogħod minn ċerti negozjanti. Huwa aħjar li wieħed jitlef l-elezzjoni milli jitlef il-ġenwinità tiegħu. Aħjar li l-partit joqgħod fl-Oppożizzjoni milli jispiċċa jipprostitwixxi lilu nnifsu.

L-istorja tal-Kappillan u x-xwejħa ma tispiċċax hawn. Meta x-xwejħa qaltlu għaliex kienet tixgħel żewġ xemgħat, fil-pront il-Kappillan weġibha: “Ma tistax taqdi żewġ sidien. Jew tħobb lil wieħed jew lill-ieħor. Qatt ma tista’ taqdi lit-tnejn flimkien.” Huwa parir li tajjeb li wieħed jieħdu bis-serjetà.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 12 ta' Marzu, 2017)

BACK
bottom of page