top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Enabling the politics of bullying?

Enabling the politics of bullying?

US President Donald Trump is a bully who threatens world peace and global stability, and the world must stand up to him. Using Trump’s logic, Putin was justified in invading Ukraine. Credit: History in HD / Unsplash Acting like a bully in a schoolyard is something most of us can sadly recall from experience. When a bully is not challenged but excused or ignored, the abuse does not stop. On the contrary, the bully grows bolder, targets more people and pushes boundaries further. Regrettably, US...

25/01/26

The importance of peace builders

The importance of peace builders

We too often take our democratic stability, the rule of law, social justice and social cohesion, long considered pillars of lasting peace, for granted. Sadly, discourse on social media has grown increasingly harsh, normalising insults, resentment and misinformation. Credit: Shutterstock.com At the start of 2026, peace feels more urgent, and more fragile, than ever. From the devastating scenes in Ukraine to the genocide in Gaza, to conflicts in Sudan and numerous others that failed to make the...

15/01/26

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi ta’ l-għola kwalità.

12/01/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Rix

  • manuelschembri
  • Jan 28, 2018
  • 3 min read

Il-PN jista' jieħu l-ħajja mill-ġdid meta jiġbor lil kullħadd. L-importanti li għandna lkoll għan wieħed: il-ġid ta' Malta.



Nistqarr li l-espressjonijiet Maltin għandhom ċertu profondità ta’ ħsieb, li huwa mibni fuq l-esperjenza tal-ħajja matul iż-żminijiet. Waħda minn dawn l-espressjonijiet hija li wieħed ‘jifraħ b’rix ħaddieħor’. Din l-espressjoni tirreferi b’mod partikolari għal meta wieħed jispiċċa juża ssabiħ ta’ ħaddieħor biex jidher sabiħ hu. Għaldaqstant, din l-espressjoni tintuża għal meta wieħed jieħu l-merti ta’ xi ħaġa li m’għandux jieħu.

Fl-aħħar erba’ snin, kienu d-diversi drabi li Joseph Muscat u l-Gvern Laburista spiċċaw jifirħu b’rix ħaddieħor. Għalkemm is-sabiħ u l-ikrah ta’ pajjiżna mhuma monopolju ta’ ħadd, u kull Gvern għandu jkompli jibni fuq dak ta’ qablu, ilkoll nafu li diversi proġetti kbar jafu l-oriġini talħsieb u l-impenn finanzjarju tagħhom lill-amministrazzjoni preċidenti.

Ilkoll nafu li diversi proġetti ta’ ċertu livell, bħar-restawr tas-swar tal-Belt, ir-reġenerazzjoni taċ-Ċittadella u l-inħawi tal-Imdina, il-port taċ-Ċirkewwa, il-bini tal-MCAST, Triq il- Kosta u tal-Kappara, il-bini ta’ Bieb il-Belt, l-interconnector, il-Presidenza Maltija u l-Belt Kapitali bħala Belt tal-Kultura huma fost sensiela sħiħa ta’ proġetti li saru u kienu maħsuba tul l-amministrazzjoni Nazzjonalista.

Diversi minn dawn il-proġetti għalkemm bdew tul l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi, kellhom jitkomplew mill-Gvern Laburista. L-ironija tal-ħajja hija li diversi minn dawn il-proġetti li Joseph Muscat u l-Partit Laburista kienu tant ikkritikaw, spiċċaw biex huma kellhom l-unur li jaqtgħu ż-żigarella! U biex l-ironija tal-ħajja tkun akbar, ilmaġġoranza ta’ dawn il-proġetti kienu finanzjati mill-Unjoni Ewropea, li Joseph u sħabu tant kienu kontra, u ħadmu qatigħ biex aħna nivvutaw ‘le’ għall-Ewropa! U issa? Issa, Joseph Muscat u sħabu qegħdin jiddandnu b’dawn il-proġetti, u kważi kważi donnhom iridu jwasslu l-messaġġ li dawn saru grazzi għall-viżjoni u l-ħidma tagħhom, u li allaħares ma kinux huma!

Dan huwa ingann politiku ieħor ta’ Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu!

Dan ħareġ bid-dieher fil-ftuħ tal-ċelebrazzjonijiet tal-Belt Valletta bħala Belt tal-Kultura. Għalkemm matul id-diskorsi tal-okkażjoni, il-Prim Ministru semma lil Lawrence Gonzi, inħoss li dan semmieh b’mod sekondarju u fuq fuq. B’hekk, ħadd ma jista’ jgħid xejn! Kien ikun hemm aktar irġulija politika li wieħed kien jistqarr li dak li konna qegħdin niċċelebraw kien mhux biss grazzi għall-viżjoni u l-impenn tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, imma wkoll għall-impenn u l-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami li ħadem kontra kull kurrent biex nissieħbu fl-UE.

Qiegħed insemmi dan kollu għax filwaqt li nagħmlu tajjeb li nagħrfu li l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti wettqu ċerti żbalji żgħar u kbar, tajjeb li nibqgħu nagħrfu t-tant tajjeb u ġid li wettaqna matul iż-żminijiet ta’ tmexxija! Nagħmlu tajjeb li niftakru li l-gvernijiet Nazzjonalisti, fir-realtà, wettqu aktar ġid u tajjeb milli ħsara u deni! Ikun żball kbir għalina lkoll meta nispiċċaw nemmnu l-propoganda Laburista li tipprova tnessi t-tajjeb li wettaqna, u tfakkarna biss fid-deni u l-ħsara li forsi wettaqna!

Tajjeb li niftakru, li għalkemm huwa minnu li bħalissa pajjiżna ekonomikament sejjer tajjeb (għalkemm dan ma jgħoddx għal kulħadd), dan il-ġid huwa frott ta’ deċiżjonijiet iebsa li ħadu Lawrence Gonzi u t-tim tiegħu! Min jirraġuna, jaf li Joseph Muscat kompla jibni fuq is-sodda mifruxa li sab! Meta wieħed jisma’ li bħalissa ninsabu ‘fl-aqwa żżmien’, fiż-żminijiet l-oħra konna wkoll fl-aqwa żmien.

Niftakru li filwaqt li pajjiżi oħra bħalma huma l-Portugall u l-Greċja kienu għarkupptejhom fl-art, Malta baqgħet sejra relattivament tajjeb. U dan ma sarx b’ċans, imma kien frott ta’ għaqal fit-tmexxija!

Dan kollu għandu, allura, jimliena b’kuraġġ għall-quddiem. Dan għandu jsaħħaħ l-istima tagħna fit-tajjeb tagħna. Kif fl-imgħoddi kellna politiċi u mexxejja li kienu kapaċi, hekk issa aħna kapaċi li jkollna politiċi Nazzjonalisti li jistgħu jagħmlulna unur mill-ġdid. Il-passat ġlorjuż tal-Parit għandu jagħtina fiduċja li nemmnu fina nfusna. Inħoss li dan huwa punt li bħalissa huwa ferm bżonjuż: li nemmnu fina nfusna!

Huwa kollu minnu li wara żewġ telfiet elettorali u wara l-elezzjonijiet interni, li ħarġu l-aspetti negattivi tagħna (niftakru li kull partit għandu l-aspetti u l-mumenti koroh tiegħu), wasal iż-żmien li nerġgħu nemmnu fil-kapaċitajiet tagħna. Wasal iż-żmien li nemmnu li r-‘rix’ tagħna huwa sabiħ ukoll.

Biex iseħħ dan, inħoss li għandna bżonn nilqgħu lil kulħadd. Il-PN jista’ jieħu l-ħajja mill-ġdid meta jiġbor lil kulħadd. Ħadd m’għandu jitwarrab għaliex forsi għandu ħsibijiet differenti. L-importanti li għandna lkoll għan wieħed: il-ġid ta’ Malta. Meta l-Partit jiġbor lil kulħadd, allura hemm minjiera sħiħa ta’ talenti, kapaċitajiet u esperjenzi li jistgħu jgħinu mhux daqstant lill-Partit imma lill-pajjiż.

Nifhmu li huwa ta’ ġid għal pajjiżna li jkollna Oppożizzjoni b’saħħitha. L-għan m’għandux jieqaf biss fuq rebħ elettorali, imma permezz tal-awtorità mogħtija mill-maġġoranza taċ-ċittadini, il-Partit jista’ jerġa’ jwettaq proġetti u ħidma aħħarija għall-ġid tal-poplu kollu!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 28 ta' Jannar, 2017)

BACK
bottom of page