top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Are we now a neurotic nation?

Are we now a neurotic nation?

While the Labour government frequently highlights our resilient economy, many people are left wondering: at what cost? People are constantly on edge and ready to flare up. Credit: Shutterstock.com Although Malta is thriving economically, a closer look reveals growing signs of social strain, signs that are not only becoming increasingly visible but are also leaving lasting marks on the daily lives of many. It seems that more people are constantly on edge, irritable and ready to flare up at the...

16/12/25

It-tfal kollha kollha tagħna!

It-tfal kollha kollha tagħna!

Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm għandna l-istess dinjità umana. Issa, din id-dinjità ma tiddependix mill-abilitajiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Credit: Rawpixel / envato.com Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddiehor li għandu idejn, jisma’ u jara....

06/12/25

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista nieda proposta li jkun hemm fond għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irripettivament mill-familja tiegħu. Jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

25/11/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Ażejbarġan fil-Mediterran?

  • manuelschembri
  • Jun 23, 2018
  • 4 min read

Is-sinjali kollha juru li qegħdin naqbdu t-triq lejn id-dgħufija tad-demokrazija Maltija.


ree

L-ewwel kien il-Perit Mintoff li ħadem qatigħ biex Malta tkun parti integrali mill-Renju Unit. Xtaqha tkun l-Ingilterra fil-Mediterran. Warajh kellna lil Alfred Sant li, bl-għajnuna f’dak iż-żmien ta’ Joseph Muscat matul il-kampanja tas-sħubija ta’ Malta fl-Ewropa, ried lil pajjiżna jkun l-Iżvizzera fil-Mediterran.

Issa, Joseph Muscat bħala Prim Ministru donnu jrid jara lil Malta mhux biss is-Singapore tal-Mediterran bil-bini għoli, imma donnu qiegħed jaħdem qatigħ biex Malta tkun l-Ażerbajġan fil-Mediterran!

Għal dawk li mhumiex midħla tal-ġrajjiet kurrenti, l-Ażerbajġan huwa pajjiż li qabel kien jagħmel parti mir-Russja Sovjetika. Għalkemm illum fuq il-karta dan huwa pajjiż indipendenti, fir-realta għadu jitmexxa b’id tal-ħadid u b’mod dittatorjali. Għalkemm jinżammu elezzjonijiet, dawn huma biss paraventu. Ir-realta hi li m’hemmx verament liberta. Kollox huwa maħkum mill-Gvern, jew aħjar minn persuna waħda u l-familja tiegħu. L-Ażerbajġan spiċċa one party state. L-Ażerbajġan huwa pajjiż famuż għall-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Dan il-pajjiż smajna bih mhux biss minħabba l-ġrajjiet ta’ nuqqas ta’ liberta, imma minħabba d-diversi każijiet ta’ korruzzjoni li dan il-pajjiż kellu ma’ Malta taħt it-tmexxija Laburista. Biżżejjed wieħed isemmi l-Bank Piltatus jew inkella x-xiri ta’ żejt minn dan il-pajjiż, biex wieħed ma jsemmix l-allegazzjonijiet li saru mill-ġurnalista maqtula brutalment, Daphne Caruana Galizia.

Huwa f’dan il-kuntest li jidher li Muscat irid iġib lil Malta bħal dan il-pajjiż. Dan mhux qiegħed jgħidu bi kliem imma bil-fatti. Huma l-fatti ċari li juru li l-entitajiet tal-gvern, iddipartimenti u korpi oħra fit-tmexxija tal-pajjiż saru bħal każin Laburista! Kull dipartiment u kull entità qegħdin jitmexxew diversi drabi mhux biss minn persuni nieqsa minn kull kwalifika jew esperjenza, imma huma midħla sew tal-Partit Laburista! Dan qiegħed iwassal għal kontroll assolut tat-tmexxija governattiva tajba Maltija. Mhux hekk biss.

Istituzzjonijiet li suppost li huma indipendenti bħalma huma l-Pulizija u anke l-Ġudikatura qegħdin jispiċċaw manuvrati minn Kastilja! Mhux hekk biss lanqas. Anke għaqdiet mhux governattivi, fosthom numru ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam soċjali, qegħdin ikunu ‘infiltrati’ minn persuni Laburisti! Dan qiegħed ngħidu mhux għaliex persuna/i li huwa/huma ta’ fehma politika waħda ma għandhomx id-dritt li jkunu f’dawn il-pożizzjonijiet. Dak li qiegħed ngħid huwa meta dawn il-persuni jintgħażlu jew jiġu rakkomandati għal-lealta tagħhom lejn il-partit. Dan ifisser li meta jiġu biex jagħżlu bejn il-lealta lejn it-tmexxija onesta u ġusta, diversi qegħdin jagħżlu l-lealtà lejn il-partit. Il-lealtà lejn it-trib. politiku hija ferm akbar minn dik lejn il-pajjiż. Persuni bħal dawn qegħdin jagħmlu l-ħsara għaliex huma qatt mhuma se jeħduha kontra l-id li tipprovdilhom l-‘ikel’ u l-perkaċċi ta’ kuljum!

Dan kollu se jwassal għad-dgħufija tad-demokrazija Maltija. Is-sinjali kollha juru li qegħdin naqbdu din it-triq. Dan it-tħassib ikompli jikber meta f’dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern ħabbar it-twaqqif ta’ kumitat li se jaħdem biex itejjeb il-livell ta’ demokrazija f’pajjiżna. Mingħajr l-ebda mistħija ta’ xejn, dan il-kumitat donnu huwa xi kumitat ta’ xi każin Laburista! Il-membri kollha huma jew kienu jagħmlu parti mill-Partit Laburista! Dan huwa eżempju ieħor ta’ Malta Ażerbajġan fil-Mediterran! Jekk verament dan il-kumitat jista’ jkun kredibbli, il-membri tiegħu għandhom ikunu ġejjin mill-esperjenzi u realtajiet diversi politiċi ta’ pajjiżna. Kellu raġun il-Partit Nazzjonalista jistqarr li mhu se jieħu l-ebda tagħlima minn dan il-kumitat u jekk verament dan il-kumitat għandu għan ġenwin, allura mhux biss għandu jagħmel kunsultazzjoni vasta, imma għandu jkun hemm parteċipazzjoni sħiħa u attiva mill-forzi politiċi kollha!

Punt ieħor li wieħed jagħmel tajjeb li jsemmi u li huwa punt li qiegħed iwassal għal tħassib serju huwa l-fatt li hekk kif fl-Ażerbajġan ħadd ma jista’ jikkritika lill-President u min jagħmel dan jispiċċa vittma ta’ tpattija, hekk qiegħed jiġri f’Malta wkoll. Jekk wieħed isegwi l-kummenti li jitħallew fil-gazzetti u anke fuq il-midja soċjali, jintebaħ li dawn il-kummenti mhumiex ġenwini. Ħafna minn dawn il-kummenti għandhom l-għan ewlieni li jwaqqfu kull kritika, jirredikolaw lill-kittieb u li jippruvaw idawru l-argument. Jidher ċar li dawn hekk imsejħa trolls qegħdin ikun koordinati minn Kastilja, xi drabi anke mħallsa minn flusna stess! Dan qiegħed iwassal mhux biss għal klima ta’ intolleranza u kliem ta’ mibegħda fostna, imma dawn huma wieħed mill-passi biex tiddgħajjef id-demokrazija ta’ pajjiżna.

Fl-aħħar edizzjoni ta’ magazin famuż, The Economist , hemm artiklu interessanti dwar il-proċess ta' kif id-demokrazija tiddgħajjef. Il-kittieb jgħid li hemm erba’ passi. L-ewwel pass huwa li xi ħadd jieħu t-tmexxija b’rebħa elettorali kbira bħala reazzjoni ta’ tgergir popolari. It-tieni huwa li kull post jimtela minn persuni leali lejn it-tmexxija.

It-tielet pass huwa li jkun hemm kontroll sħiħ fuq dawk li jikkritikaw fil-pubbliku u dawn jiġu msikkta bil-ħlewwa jew bid-dnewwa, waqt li r-raba’ pass huwa li l-partiti fl-Oppożizzjoni jitilfu s-saħħa tagħhom b’tali mod li ma jibqgħalhomx effett.

Fuq l-aħħar punt tajjeb li ngħidu li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun effettiv. Demokrazija b’saħħitha għandha bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha. Malta ma tistax tispiċċa one party state . U hawnhekk nerġa’ nagħmel l-appell li filwaqt li nagħmlu tajjeb li jkollna politika tajba u li nkunu viċin innies, huwa ferm importanti li nkunu magħqudin flimkien.


Hemm ħafna aktar x’jgħaqqadna milli dak li jista’ jifridna. Għaldaqstant, hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jista’ jifridna. Fl-għaqda hemm is-saħħa.

Wara l-artiklu f’Economist wieħed jista’ jistaqsi, ‘Allura flliema punt jinsab Joseph Muscat biex ibiddel lil Malta f’Ażerbajġan fil-Mediterran?’.

Mistoqsija serja li titlob mhux biss risposta serja imma impenn sħiħ. Is-sinjali kollha juru li qegħdin naqbdu t-triq lejn id-dgħufija tad-demokrazija Maltija


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 24 ta' Ġunju, 2018)

BACK
bottom of page