top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Francis as a mentor?

Francis as a mentor?

As October ends, I find myself reflecting on St Francis of Assisi and the 800th anniversary of his death.

25/10/26

Silence on Gaza situation is no badge of courage

Silence on Gaza situation is no badge of courage

Ignoring what is happening in Gaza is not neutrality, but a failure of moral courage and a betrayal of universal human rights. For a growing number of people of conscience, silence is an act of cowardice.

20/10/26

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fis-soċjetà. Il-mistoqsija fundamentali hija: jista’ l-Istat iġib lura l-ġustizzja billi jieħu ħajja umana oħra? Għandu l-Istat ibiddel il-ġustizzja f’vendetta?

14/10/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

B’liema riga?

Jul 21
2 min read

F’intervista riċenti, Robert Abela qal li Malta sejra tajjeb għax ħafna qed jixtru dgħajjes u karozzi. Imma din hija r-riga li biha għandu jitkejjel is-suċċess ta’ pajjiż?


Aerial view of a busy marina in Malta packed with sailboats.
Ritratt minn Shutterstock

Meta l-Prim Ministru jqis ix-xiri ta’ dgħajjes u karozzi bħala prova tal-progress, ikun qed iħares biss lejn parti mill-istampa. Għax il-progress veru ma jitkejjilx b’kemm nikkunsmaw, iżda b’kemm ngħixu aħjar b’mod ħolistiku.


Filwaqt li Robert Abela jitkellem fuq il-ġid, aktar minn 95,000 persuna jinsabu f’riskju ta’ faqar.


Min-naħa l-oħra, hu stess ammetta li dan it-tkabbir għandu t-trade-offs tiegħu, jiġifieri konsegwenzi ta’ dan il-‘ġid’. Dawn qegħdin ngħixuhom ta’ kuljum: traffiku dejjem jikber, żvilupp bla rażan, telf ta’ spazji miftuħa, pressjoni fuq l-infrastruttura u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja.


Nemmen li hija ironija li filwaqt li l-Prim Ministru jiftaħar b’dan il-mod, ftit ġimgħat ilu, il-Ministru Michael Falzon ħabbar bi kburija li l-Gvern kien se jagħti COLA addizzjonali lil 102,000 familja biex jgħinhom ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.


Jekk il-pajjiż qed jgħix daqshekk fil-ġid, għaliex kien hemm il-ħtieġa li 102,000 familja jingħataw għajnuna addizzjonali? U jekk din l-għajnuna kienet meħtieġa, kif nistgħu fl-istess ħin inpinġu stampa ta’ pajjiż fejn il-prosperità qed tasal għand kulħadd?


B’liema riga għandna nkejlu l-progress?


Għal ħafna snin, il-kejl ewlieni kien il-Gross Domestic Product (GDP). Huwa indikatur importanti u għandu jibqa’ jintuża. Iżda waħdu ma jurix jekk il-ġid hux qed jitqassam b’mod ġust jew jekk il-ħajja tan-nies hijiex verament qed titjieb.


Il-flus huma importanti, iżda mhumiex kollox.


X’jiswa li jkollok karozza lussuża jekk tqatta’ siegħa fit-traffiku? X’jiswa li jkollok paga ogħla jekk ma jkollokx ħin għall-familja? X’jiswa li jkollok xogħol jekk ma jagħtikx sodisfazzjon? X’jiswa li jkollna ekonomija b’saħħitha jekk il-pajjiż isir aktar nervuż, aktar mifrud u jitlef il-kwalità tal-ħajja tiegħu?


Huwa għalhekk li llum ħafna qed jisħqu li rridu nħarsu wkoll lejn indikaturi oħra, bħas-Sustainable Development Goals (SDGs).


Dawn ma jkejlux biss il-ġid ekonomiku, iżda wkoll il-benesseri tal-persuna: is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja soċjali, il-kwalità tal-ambjent, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-opportunitajiet għal kulħadd.


Il-progress ma jitkejjilx bil-ġid ta’ ftit, iżda bil-ġid komuni.


Jitkejjel b’kemm hawn ġustizzja soċjali, kemm l-edukazzjoni tagħti opportunitajiet lil kull student, kemm is-servizzi tas-saħħa huma ta’ kwalità, kemm l-ambjent huwa mħares u kemm kull persuna tista’ tgħix b’dinjità.


Il-GDP jibqa’ riga importanti. Iżda jekk irridu nkejlu tassew il-progress ta’ pajjiż, irridu nħarsu lil hinn min-numri.


Għax, fl-aħħar mill-aħħar, il-progress veru ma jitkejjilx b’kemm jinbiegħu dgħajjes jew karozzi, iżda b’kemm il-bniedem jgħix b’dinjità, b’saħħtu, sigur u b’sens ta’ ġustizzja.


Kif jingħad: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.”


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 20 ta' Lulju, 2026)

BACK
bottom of page