top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Francis as a mentor?

Francis as a mentor?

As October ends, I find myself reflecting on St Francis of Assisi and the 800th anniversary of his death.

25/10/26

Silence on Gaza situation is no badge of courage

Silence on Gaza situation is no badge of courage

Ignoring what is happening in Gaza is not neutrality, but a failure of moral courage and a betrayal of universal human rights. For a growing number of people of conscience, silence is an act of cowardice.

20/10/26

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fis-soċjetà. Il-mistoqsija fundamentali hija: jista’ l-Istat iġib lura l-ġustizzja billi jieħu ħajja umana oħra? Għandu l-Istat ibiddel il-ġustizzja f’vendetta?

14/10/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Wara l-ġuri

Sep 10
3 min read

Dan kien wieħed mill-aktar ġurijiet storiċi fl-istorja ta’ pajjiżna, mhux biss minħabba l-gravità tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll minħabba l-mistoqsijiet li fetaħ dwar l-istat tal-istituzzjonijiet tagħna u r-relazzjoni bejn il-poter politiku, in-negozju u l-infurzar tal-liġi.


Festa Madonna tal-Karmnu Valletta
Credit: Erika Lanzafame / Newsbook

Għalkemm illum nafu min għamel il-bomba li qatlet lil Daphne u min kien involut fl-eżekuzzjoni tal-assassinju tagħha fis-16 ta’ Ottubru 2017, wara disa’ snin għadna ma nafux b’mod definittiv min kien wara l-qtil, min ħallas għalih u min ta l-ordni biex ġurnalista tinqatel b’dan il-mod brutali.


Yorgen Fenech kien akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju. Wara disa’ snin u ġuri li dam aktar minn xahar, il-ġurati, b’maġġoranza ta’ tmienja kontra waħda, ma sabuhx ħati.


Mhux ser nidħol fil-mertu tas-sentenza, aktar u aktar meta l-proċess ġudizzjarju jista’ jkompli.


Iżda ġuri ta’ dan il-kobor ma jispiċċax bil-verdett. Matul il-proċeduri ħarġu xhieda, fatti u relazzjonijiet li llum jinsabu fid-dominju pubbliku u li għandhom jiġu eżaminati b’serjetà.


L-ewwel punt li jinkwetani huwa r-relazzjoni mill-qrib li dehret li kienet teżisti bejn uffiċjali għolja tal-Pulizija u persuni b’saħħithom fid-dinja tan-negozju. Rajna wkoll filmati li tefgħu dell ikrah mhux biss fuq l-uffiċjal ikkonċernat, iżda fuq il-Korp kollu tal-Pulizija.


Kull min jaħdem fil-qasam soċjali, edukattiv jew legali jaf kemm huma importanti l-konfini professjonali, dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘boundaries’. Meta uffiċjali għolja tal-infurzar tal-liġi jidhru li għandhom relazzjonijiet ta’ qrubija kbira ma’ persuni b’interessi ekonomiċi qawwija, huwa inevitabbli li jqumu mistoqsijiet u tingħata l-impressjoni li l-Pulizija hija b’saħħitha ma’ min hu dgħajjef u dgħajfa ma’ min hu b’saħħtu.


Wara dak li ħareġ, wieħed jista’ jkollu fiduċja, mhux f’dak il-pulizija żgħir li jkun fl-għassa, imma fid-diriġenti għolja tal-Pulizija? Naħseb li wara dan il-ġuri hemm problema kbira ta’ fiduċja. Ikun tajjeb li l-Korp jaħdem mhux biss fuq din il-fiduċja imma jieħu l-passi meħtieġa kontra kull min kellu x’jaqsam ma’ dan il-każ u naqas minn dmiru!


It-tieni punt huwa r-relazzjonijiet li ħarġu bejn numru ta’ politiċi, uffiċjali għolja tal-Gvern Laburista u persuni qrib il-qalba tal-poter ekonomiku. Matul il-ġuri smajna dwar informazzjoni sensittiva li allegatament kienet tgħaddi b’mod l-aktar faċli bejn persuni akkużati u uffiċjali għolja, saħansitra ġewwa l-uffiċċji f’Kastilja! Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar il-konfini bejn il-politika, in-negozju u l-istituzzjonijiet fejn donnu hemm ‘qarnita’ li għandha subgħajha fit-tmexxija tal-Istat.


L-Arċisqof kellu raġun meta dan l-aħħar stqarr li donnu hawn ‘xibka ta’ interessi’ u jekk tali interessi jkunu aktar b’saħħithom mill-istrutturi tal-Istat, allura ma nkunux qed nitkellmu biss dwar każ individwali, iżda dwar periklu għad-demokrazija tagħna.


Wara dan il-ġuri rridu nħarsu wkoll lejn il-kultura tal-impunità – li diġà fir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne kienet ħarġet b’mod ċar. Għandna nkunu rrabjati ma’ dawk il-politiċi li ttolleraw jew saħansitra ħeġġew mentalità li fiha kollox huwa aċċettabbli sakemm iservi l-interess politiku. Meta l-lealtà lejn partit issir aktar importanti mill-integrità, u meta dak li darba kien inaċċettabbli jibda jitqies bħala normali, inkunu qed nesperjenzaw degradazzjoni etika tas-soċjetà.


Malta diġà għandha feriti oħra li għadhom miftuħa, fosthom il-każijiet ta’ Karen Grech u Raymond Caruana, li jfakkruna f’assassinji li dwarhom għad hemm mistoqsijiet mhux imwieġba. Dawn iż-żewġ tebgħat fuq Malta mhumiex biżżejjed, hemm bżonn tebgħa oħra?


Huwa fl-interess tagħna lkoll li nkunu nafu mhux biss min wettaq il-qtil ta’ Daphne, iżda min kien warajh, min iffinanzjah u min ta l-ordni.


Dak kollu li ħareġ mix-xhieda għandu jiġi segwit, mhux b’vendetta jew partiġġjaniżmu, iżda b’kuraġġ u determinazzjoni għal ġustizzja.


Malta hija akbar minn kull partit politiku, akbar minn kull gvern, akbar minn kull negozjant u akbar minn kull interess privat. L-ebda persuna mhi akbar minn Malta.


Għalhekk irridu nkunu nafu min qatel lil Daphne biex Malta ma tibqax taħt dan id-dell sewdieni!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 7 ta' Settembru, 2026)

BACK
bottom of page