Ċittadini attivi
Il-President Amerikan John F. Kennedy kien qal espressjoni li fiha ħafna x’togħmod: “Tistaqsix x’jista’ jagħmel l-Istat għalik, imma x’lest tagħmel inti għall-Istat.” Hija espressjoni li tikxef ir-responsabbiltà li għandu kull ċittadin lejn pajjiżu.

Sfortunatament, għal xi wħud, l-Istat huwa bħal baqra: dak kollu li jistgħu jaħilbu minnha. Għalihom, l-Istat huwa dak li jrid jipprovdi kollox, u ma jinteressahom minn xejn u minn ħadd sakemm huma jkunu moqdija mill-Istat. Xi wħud saħansitra jirrikattaw lil min qiegħed imexxi l-Istat bil-vot tagħhom jekk ma jingħatawx dak li jħossu li huwa dritt tagħhom.
Ħafna drabi, dawn iċ-ċittadini huma ċittadini passivi. Ma jinteressahomx kif sejjer il-pajjiż sakemm huma jkunu moqdija. Iċ-ċittadini passivi jingħalqu fid-“dinja” żgħira tagħhom u xejn aktar ma jinteressahom!
Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini attivi huma dawk li, filwaqt li jaċċettaw l-għajnuna tal-Istat, jieħdu interess f’dak li qed jiġri f’pajjiżhom. Huma jħossu li hija r-responsabbiltà tagħhom li jsemmgħu leħinhom u jesprimu l-opinjoni tagħhom meta jħossu li l-affarijiet sejrin ħażin jew li jistgħu jsiru aħjar.
Iċ-ċittadini attivi jifhmu li mhux biss dak li jiġri f’pajjiżhom għandu jinteressahom, imma wkoll dak li qed jiġri madwar id-dinja, għaliex illum il-ġurnata l-ebda pajjiż mhu maqtugħ mill-oħrajn. Dak li jiġri f’pajjiżi oħra jinħass f’pajjiżna wkoll.
U allura l-mistoqsija li int, li qed taqra dan, għandek tagħmel lilek innifsek hija: “Jiena ċittadin passiv jew ċittadin attiv?”
Jinteressak x’jiġri f’Malta? Tinkwieta meta tara affarijiet li ma taqbilx magħhom? Ħadt sehem f’xi petizzjoni dwar xi żvilupp li tħoss li se jagħmel ħsara lill-lokalità tiegħek jew lil xi lokalità oħra? Twassal l-opinjoni tiegħek lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet? Issegwi x’qed jiġri madwarek? Ħadt sehem f’xi protesta li saret hawn? Issegwi l-aħbarijiet dwar il-ħafna gwerer u kunflitti li għaddejjin f’pajjiżi oħra?
Dawn huma mistoqsijiet li trid twieġeb jekk verament tixtieq tkun ċittadin responsabbli u attiv.
Imma biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet, trid tkun taf tagħrbel sew l-informazzjoni u ma tkunx ippreġudikat. Qiegħed ngħid dan għaliex mhux kull informazzjoni li naqraw jew li nisimgħu tkun verament oġġettiva. Xi drabi, l-istess aħbar ikollha verżjoni totalment differenti minn oħra! Xi drabi wkoll naslu għal konklużjonijiet tagħna bbażati fuq il-preġudizzji li jkollna jew inkella minħabba t-tribù politiku tagħna, li ma jħalliniex nużaw moħħna imma jridna nkunu, donnhom, nagħaġ ta’ Bendu!
Meta nonqsu milli nkunu ċittadini attivi, mhux biss inkunu qed nonqsu mir-responsabbiltà li għandna, imma nkunu wkoll qed inħallu lil ħaddieħor jagħmel li jrid. Dan ifisser li, mingħajr ma nafu jew irridu, insiru responsabbli wkoll mill-ħsara li tkun qed issir! Is-silenzju tagħna jispiċċa jkun kompliċità ma’ din il-ħsara.
Li ngħidu li m’għandniex opinjoni jfisser ukoll li nkunu qed nagħmlu bħal Pilatu: naħslu jdejna biex la nfuħu u lanqas nintnu!
Sfortunatament, wara kważi 40 sena naħdem fil-qasam soċjali, nistqarr li fostna hemm diversi li jagħżlu li jkunu ċittadini passivi u magħluqa fid-“dinja” tagħhom. Diversi donnhom iħobbu jibqgħu lura, b’differenza għal ċittadini oħra fid-dinja li ma jibżgħux juru fehmithom bl-aktar mod assertiv.
Eżempju attwali huma ċ-ċittadini fl-Albanija li qegħdin jipprotestaw b’mod qawwi ħafna dwar żvilupp kbir li ser jingħata lil privat, jew inkella ċ-ċittadini Spanjoli li dan l-aħħar ħarġu fit-toroq għaliex mara anzjana ġiet imkeċċija minn darha!
Sfortunatament, għal numru ta’ ċittadini Maltin tista’ taqa’ d-dinja sakemm ma tmissx lilhom… imma mbagħad, meta jiġri lilhom, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt!
Dan rajtu jseħħ diversi drabi. Pereżempju, meta kont Sindku ta’ San Ġiljan u kien hemm — u għad hemm — diversi applikazzjonijiet mostrużi, diversi residenti minn lokalitajiet oħra, aktar ’il bogħod minn San Ġiljan, kienu jgħiduli li qed nagħmel storja għal xejn, li dejjem ngerger u li qed infixkel il-progress!
Issa, għaliex l-iżvilupp enormi qiegħed idur fil-lokalità tagħhom u qrib tagħhom, issa jinsabu jgħidu l-istess diskors li kont qed ngħid jien!
Dan huwa biss eżempju li għandu jiftħilna għajnejna biex inkunu ċittadini attivi dejjem u kull ħin għaliex aħna bħal ħajt tas-sajjieħ, inżommu ma’ xulxin.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 30 ta' Settembru, 2026)





