Diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema barranin
Il-proposta tal-Gvern Laburista li l-ħaddiema minn pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea jibdew iħallsu għat-trasport pubbliku, filwaqt li ċ-ċittadini Maltin jibqgħu jivvjaġġaw mingħajr ħlas, tqajjem mistoqsijiet fundamentali. Anki ċ-childcares saru b’xejn għal-Maltin biss.

Kif jista’ Gvern li jgħid li jiddefendi lill-ħaddiema jiġġustifika trattament differenti lejn dawk li jaħdmu f’pajjiżna, iħallsu t-taxxi u jagħtu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħal kulħadd? Dawn il-persuni huma tajbin biżżejjed biex jaħdmu għal Malta, iżda mhux biex jibbenefikaw mill-istess servizzi pubbliċi?
Wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dinja tax-xogħol huwa li kull ħaddiem għandu jkollu paga ugwali għal xogħol ugwali. Dan kien dejjem prinċipju li għalih iġġieldu t-trade unions u diversi partiti politiċi, inkluż il-Partit Laburista. Min iwettaq l-istess xogħol għandu jitħallas bl-istess mod. Meta ħaddiema jitħallsu b’mod differenti mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ikun hemm riskju ta’ diskriminazzjoni.
L-istess prinċipju ta’ ġustizzja għandu jgħodd ukoll meta nitkellmu dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji. Jekk ħaddiem barrani jħallas it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bħal kull ċittadin Malti, għaliex għandu jiġi eskluż minn servizz pubbliku li minnu jibbenefikaw residenti oħrajn? L-ugwaljanza ma tistax tkun obbligu meta jasal iż-żmien li wieħed iħallas, iżda ssir privileġġ meta jasal iż-żmien li jirċievi.
Hemm ukoll il-kwistjoni tat-traffiku. Jekk l-għan tat-trasport pubbliku b’xejn, introdott fl-2022, kien li jitnaqqas l-użu tal-karozzi privati u l-konġestjoni fit-toroq, kif se tgħin din il-miżura biex jintlaħaq dak l-għan? Li t-trasport isir aktar għali għal kategorija partikolari ta’ ħaddiema jista’ jwassal biex xi wħud jirrikorru għall-karozzi jew inkella għall-muturi privati. Għalhekk, din il-proposta tqajjem dubji kemm dwar l-ugwaljanza kif ukoll dwar il-konsistenza tal-politika tat-trasport tal-Gvern.
Jekk il-Ministru għall-Finanzi qed ifittex riżorsi finanzjarji, għandu jibda billi jeżamina kif qed jintefqu l-flus pubbliċi. Fid-dawl tat-tħassib dwar id-dejn nazzjonali u l-wegħdiet elettorali li għad iridu jitwettqu, fosthom is-superbonus, il-Gvern għandu jindirizza l-ħela, is-salarji eċċessivi mogħtija lil persuni b’rabtiet politiċi u kuntratti diretti li jqajmu mistoqsijiet dwar it-trasparenza. Qabel ma jimponi piżijiet ġodda fuq ċerti ħaddiema, għandu jiżgura li l-flus tal-poplu qed jintefqu b’għaqal u responsabbiltà.
Aktar minn hekk, jekk illum naċċettaw trattament differenti fit-trasport pubbliku, għada nistgħu nispiċċaw naċċettaw distinzjonijiet simili f’servizzi pubbliċi oħrajn? Malta għandha d-dritt tiddiskuti l-immigrazzjoni, il-popolazzjoni u l-ispiża tas-servizzi pubbliċi, iżda dawn id-diskussjonijiet għandhom isiru b’responsabbiltà, mingħajr ma jinħolqu kategoriji ta’ ħaddiema tat-tieni klassi.
Il-Partit Laburista għandu jiftakar li l-għeruq tiegħu huma marbuta mal-ħarsien tal-ħaddiema u tal-persuni vulnerabbli. Dawn il-valuri ma jistgħux ikunu riservati biss għal min għandu passaport Malti. Jekk xi ħadd huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-popolazzjoni, għandu iżomm responsabbli lil dawk li fasslu l-politiki li wasslu għal din is-sitwazzjoni, mhux lill-ħaddiema barranin infushom.
Dawn il-ħaddiema jinsabu fostna għaliex, tul dawn l-aħħar tlettax-il sena, il-Gvern Laburista bena mudell ekonomiku li jiddependi wkoll fuq il-kontribut tagħhom. Hija ironija li l-Ministru Clyde Caruana, li kien fost il-protagonisti ta’ dan il-mudell, illum jesprimi tħassib dwar il-konsegwenzi tiegħu. Aktar ironiku huwa li Gvern li jiftaħar bil-wirt Laburista u soċjalista tiegħu jipproponi miżura li tmur kontra l-prinċipji tal-Laburiżmu.
L-ironija tkompli meta ċerti Maltin juru attitudnijiet razzisti lejn il-ħaddiema barranin fuq il-midja soċjali, iżda mbagħad jirrikorru għas-servizzi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li dawn il-ħaddiema m’għandhomx id-dritt jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali jista’ jagħmilha aktar faċli biex il-Gvern jieħu deċiżjonijiet li jolqtuhom mingħajr ma jħoss l-istess pressjoni politika kieku jagħmel dan mal-votanti Maltin. Iżda l-ġustizzja soċjali u d-dinjità tal-ħaddiem ma jiddependux minn jekk persuna għandhiex vot jew le.
Jekk il-Gvern bena l-ekonomija tiegħu fuq il-ħaddiema barranin, ma jistax illum jitfa’ fuq spallejhom il-piż tal-problemi li ħoloq dan il-mudell.
Nispera li dawk l-NGOs, partiti politiċi, politikanti, mexxejja tal-Knisja u trade unions quddiem din id-diskriminazzjoni ma jibqgħux siekta jew jdawru wiċċhom. Jekk jagħmlu dan, il-kredibbiltà tagħhom żgur li tonqos u jkun diffiċli li wieħed jemmenhom meta jgħidu li għalihom il-bniedem huwa fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni!
Kull ħaddiem, ikun min ikun u ġej minn fejn ġej, jistħoqqlu jiġi ttrattat b’ġustizzja, dinjità u rispett. Inkella, il-kliem dwar l-ugwaljanza jibqa’ diskors vojt u ipokritu.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 27 ta' Ottubru, 2026)





