top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
I uphold the politics of values

I uphold the politics of values

Politics is about upholding the common good and empowering people, especially the most vulnerable, to go through their life journey with dignity, writes Albert Buttigieg. Labour’s environmental track record is abysmal.

17/05/26

The right to sleep

The right to sleep

Malta is a vibrant Mediterranean island fiercely proud of its roots, traditions and culture. However, an increasing number of residents are frustrated by excessive commercial noise. Such noise is not only disturbing their daily lives and their well-being but is undermining their right to a decent night’s sleep, which is one’s fundamental right.

07/05/26

PN raises concerns over childcare standards, urges investment

PN raises concerns over childcare standards, urges investment

MP Albert Buttigieg suggests parents should get paid to keep children at home instead of childcare. The number of childcare centres has increased sharply.

01/04/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-familji mill-Etjopja

  • Aug 29, 2024
  • 3 min read

Dak li se jwettaq il-Gvern żgur li mhuwiex f’ismi u f’isem tant Maltin onesti.


Migrants protest
© Miguela Xuereb

F’dawn l-aħħar jiem, persuni mill-Etjopja li ilhom jgħixu fostna għal diversi snin, xi wħud saħansitra ġew fostna bħala tfal 20 sena ilu, qed jiġu arrestati bil-għan li jiġu deportati lura lejn Etjopja.


Dawn il-persuni u l-familji tagħhom mhumiex kriminali. Qatt ma kienu involuti f’attivitajiet antisoċjali ta’ ġlied jew inkella li jmexxu xi burdell f’Paceville, ibigħu d-drogi fil-ġnien ta’ Spinola jew inkella jsawtu lil ħaddieħor!


Le, dawn il-persuni ma għamlu xejn minn dan! Kulma għamlu huwa li ppruvaw jibnu futur aħjar għalihom u għal uliedhom. Ġew f’pajjiżna għaliex riedu futur aħjar. Għalihom pajjiżna offra tama u speranza. Matul is-snin li ilhom fostna, dawn mhux biss ħadmu bl-għaraq ta’ ġbinhom b’mod legali, ħallsu t-taxxi kollha dovuti, taw kontribut lill-ekonomja ta’ pajjiżna imma anke integraw fis-soċjetà tagħna.


Issa, dawn il-persuni qegħdin jiġu arrestati bil-Pulizija u l-midja tal-Gvern tagħmel show minnhom! Dawn il-persuni qegħdin issa jistennew li jiġu deportati flimkien mat-tfal tagħhom li twieldu matul dawn is-snin f’pajjiżna.


Id-deportazzjoni ta’ dawn it-tfal/familji mhux biss hija inaċċettabbli u inumana, imma għal dawn it-tfal, pajjiżna huwa l-unika pajjiż li jafu! Għalihom, Malta hija darhom u pajjiżhom! Jekk dawn it-tfal ikunu deportati, flimkien mal-ġenituri tagħhom, żgur li se jgħaddu minn trawmi kbar. Hija fuq il-kuxjenza tal-Gvern (jekk għandu) li jifhem minn xiex dawn it-tfal jistgħu jgħaddu minnu! Anke l-Kummissjaru tat-Tfal tkellmet dwar dan.


Għaldaqstant, huwa fl-interess tat-tfal u tal-familji tagħhom li jkunu mħarsa d-drittijiet fundamentali li jibqgħu jgħixu f’ambjent sigur.


Il-Gvern Malti għandu għaldaqstant joħorġ skema ta’ regolarizzar u jingħataw il-protezzjoni meħtieġa hekk kif imniżżel fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan jista’ jsir jekk tinħareġ skema li tagħti ‘residenza fit-tul’ jew inkella ‘ċittadinanza temporanja’, speċjalment għal dawk it-tfal li spiċċaw jew qegħdin fl-iskola obbligatorja jew f’istituti edukattivi oħrajn.


Hija ironika li l-Gvern Laburista, li jiftaħar li huwa partit li jieħu ħsieb iż-żgħir, laqa’ b’idejh miftuħa persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija bl-eluf ta’ ewro, imma mbagħad ma’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom qiegħed jimxi daqshekk inuman. Dan huwa eżempju ieħor li l-Gvern fejn irid u ma’ min irid huwa b’saħħtu maż-żgħir imma mbagħad huwa dgħajjef ma’ min huwa korrott u ħalliel. Filwaqt li l-Gvern jiftaħar li jemmen f’integrazzjoni, joħroġ ċar li l-Gvern ma għandu l-ebda pjan serju ta’ integrazzjoni imma għandu biss pjan ta’ deportazzjoni. Jidher ċar li l-Gvern jinsab f’paniku sħiħ wara r-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet u qed jaħseb li dan huwa l-unika mod kif jikkalma s-sitwazzjoni! Il-Gvern ma jistax jammetti li huwa l-problema u mhux dawn il-familji!


Nemmen li jkun żball jekk nippruvaw inpoġġu lil dawn il-persuni bħal donnu li huma l-problema ta’ dan il-pajjiż! Filwaqt li l-problema ta’ żieda tal-popolazzjoni ġabha l-Gvern Laburista stess għaliex ma għamel l-ebda pjan serju fit-tul u issa jinsab f’paniku sħiħ, ikun żball li wieħed jitfa’ lil kulħadd f’borma waħda, aktar u aktar meta dawn il-persuni/familji ilhom fostna fil-paċi u mingħajr problemi ta’ xejn għal 20 sena!


Jekk il-Gvern ikompli jwebbes rasu jew inkella jagħti widen għal dak li qegħdin jgħidu xi persuni razzisti, il-Gvern ikun tilef opportunità li jgħin lil dawn il-persuni u l-familji tagħhom ikunu ċittadini onesti f’pajjiżna! Dawn iwassal biex pajjiżna jitlef ċans li jkollu ċittadini onesti.


Sfortunatament hawn Maltin, xi wħud minnhom jiftaħru li huma nsara u fuq il-Facebook tagħhom ħlief ritratti ta’ qaddisin m’għandhomx biex imbagħad fi kliemhom u għemilhom huma razzisti. Min huwa nisrani ma jistax ikun razzist. Il-fidi nisranija hija ċara daqs il-kristall. L-istorja umana turina li meta popli jinħakmu mid-diskorsi razzisti, jispiċċaw jitwettqu krimini orribli.


Għaldaqstant, hija r-responsabbiltà tagħna l-politiċi, ta’ liema twemmin politiku, li aħna nħarsu dejjem id-dinjità umana, dejjem u kullimkien! Huwa fid-dmir tagħna li nħeġġu u nagħmlu politika li tħares id-dinjità umana.


Għalhekk ma nistgħux inwettqu biss politika li togħġob u li hija popolari imma għandna responsabbiltà li nwettqu politika li tagħmel is-sewwa u l-ħaqq.


Ngħid għalija, dħalt fil-politika mhux biex nieħu s-selfies jew indur il-festi jew biex insaħħan is-siġġu fil-Parlament imma biex inkun vuċi assertiva għal dak li huwa sewwa u vera, anke jekk mhux kulħadd jitbissimli.


Dak li se jwettaq il-Gvern żgur li mhuwiex f’ismi u f’isem tant Maltin onesti.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 27 t' Awwissu, 2024)

BACK
bottom of page