top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Stand up for an honest Malta: an open letter to our president

Stand up for an honest Malta: an open letter to our president

At a time when citizens are questioning institutions and losing faith in those entrusted to protect them, Malta needs a voice capable of speaking to the nation’s conscience, writes Albert Buttigieg. This crisis is not sustainable and can no longer be ignored.

22/09/26

Wara l-ġuri

Wara l-ġuri

Dan kien wieħed mill-aktar ġurijiet storiċi fl-istorja ta’ pajjiżna, mhux biss minħabba l-gravità tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll minħabba l-mistoqsijiet li fetaħ dwar l-istat tal-istituzzjonijiet tagħna u r-relazzjoni bejn il-poter politiku, in-negozju u l-infurzar tal-liġi.

10/09/26

Standing on principle

Standing on principle

Although politics is about winning elections, when the pursuit of votes becomes the sole consideration, something essential is lost, writes Albert Buttigieg. Standing on principle may make the road to power harder but selling one’s soul and values is ultimately a Faustian bargain.

31/08/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-festi Maltin: Bejn il-fidi u l-folklor

Aug 6
2 min read

Ix-xhur tas-sajf huma marbuta mal-istaġun tal-festi. Kważi f’kull belt u raħal f’Malta u f’Għawdex jiġu ċċelebrati festi f’ġieħ il-qaddis jew il-qaddisa patruna tal-lokalità.


Festa Madonna tal-Karmnu Valletta
Facebook (Festa Madonna tal-Karmnu Valletta)

Ħadd wara Ħadd, irħula u bliet jitlibbsu bil-pavaljuni, il-bandalori, l-armar u d-dawl. It-toroq jimtlew bin-nies jisimgħu l-banda, il-knejjes isiru ċ-ċentru tal-attenzjoni, u l-istatwa tal-patrun tinġarr b’dedikazzjoni kbira. Il-familji jerġgħu jinġabru flimkien u ħafna nies jerġgħu lura lejn l-għeruq tagħhom.


Għalhekk, il-festi huma parti integrali mill-identità Maltija u huma taħlita ta’ kultura, tradizzjoni u reliġjon. Malta mingħajr festi titlef parti mill-karattru tagħha, għax dawn huma okkażjonijiet li jsaħħu s-sens ta’ komunità u jagħtu identità lil kull lokalità. Ma tistax titkellem fuq il-Ħamrun mingħajr San Gejtanu, jew fuq ir-Rabat, Għawdex, mingħajr il-festa ta’ San Ġorġ u l-Assunta.


Wieħed għandu japprezza wkoll il-ħidma kbira tal-voluntiera li jaħdmu matul is-sena kollha biex il-festi jkunu organizzati. Ħafna żgħażagħ u persuni oħra jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom b’imħabba lejn il-lokalità tagħhom. Din id-dedikazzjoni hija parti importanti mill-patrimonju soċjali tagħna u għandha tingħata l-appoġġ meħtieġ.


Madankollu, il-festi għandhom ukoll aspetti negattivi li ma jistgħux jiġu injorati.


Fost dawn insibu l-pika żejda bejn il-partitarji, il-firda, l-infiq esaġerat fl-armar u n-nar, l-abbuż tal-alkoħol u d-droga, l-istorbju eċċessiv, l-iskart fit-toroq u l-inkonvenjenzi lir-residenti. Meta dawn l-affarijiet jieħdu post l-ispirtu ta’ rispett u għaqda, il-festa titlef parti mill-veru skop tagħha.


Għalhekk tqum il-mistoqsija: il-festi għadhom ċelebrazzjoni ta’ fidi jew saru biss tradizzjoni folkloristika?


Il-festa għandha tkun aktar minn armar sabiħ, banda u spettaklu; għandha tfakkarna wkoll fil-valuri li jirrappreżenta l-qaddis patrun.


Il-Bibbja tfakkarna f’dak li jgħid il-profeta Iżaija: “Dan il-poplu b’xufftejh biss jagħtini ġieħ, imma qalbu ’l bogħod minni” (Iżaija 29:13). Dan il-kliem jagħtina x’naħsbu dwar kemm il-fidi tagħna tidher fil-ħajja ta’ kuljum. Mhux biżżejjed li nuru devozzjoni permezz taċ-ċelebrazzjonijiet jekk il-valuri tal-imħabba, ir-rispett, il-ġustizzja u l-għajnuna lill-oħrajn ma jidhrux fl-imġiba tagħna.


L-attendenza għaċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi wkoll qed tonqos. Hemm diversi raġunijiet għal dan, fosthom il-bżonn li l-Knisja ssib modi ġodda kif twassal il-messaġġ tal-Vanġelu lin-nies tal-lum.


Il-festa għandha tkun mument fejn il-komunità tiltaqa’, iżda wkoll fejn il-fidi tissaħħaħ u ssir parti mill-ħajja ta’ kuljum.


Bħala konklużjoni, naqbel li l-festi Maltin huma kemm espressjoni ta’ fidi kif ukoll parti importanti mill-folklor u l-identità tagħna. Huma jgħaqqdu lill-familji, iżommu ħajjin it-tradizzjonijiet u juru d-dedikazzjoni ta’ ħafna voluntiera. Madankollu, biex jibqgħu ta’ valur, għandhom jiġu ċċelebrati b’aktar rispett u bilanċ.


Jekk nagħrfu ngħaqqdu l-fidi mal-kultura, il-festi jibqgħu wirt sabiħ li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 4 t' Awwissu, 2026)

BACK
bottom of page