top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-gula

  • Jul 19, 2015
  • 3 min read

Jekk wieħed jagħti ħarsa madwaru jara tant persuni, anke f'karigi pubbliċi u politiċi, li donnhom għandhom din il-gula. aktar ma jkollhom poter, aktar iridu.



Fl-imgħoddi, fit-tagħlim tar-Reliġjon konna niġu mgħallma dwar is-sebat irjus tad-dnub il-mejjet. Dawn kienu sensiela ta' mġibiet li jwasslu lil-persuna biex taqa’ fil-vizzju. Dawn kienu l-għira, ix-xeħħa, iż-żina, l-għażż, ir-rabja, is-suppervja u l-gula.

Il-vizzju tal-gula huwa meta persuna, mhux biss tkun moħħha fl-ikel imma li tiekol u terġa’ tiekol mingħajr waqfien. Ir-Rumani tal-antik kienu jagħmlu ġranet sħaħ jieklu u meta ma kinux ikunu jistgħu jkomplu jieklu, kienu jispiċċaw jaqilgħu dak li jkunu kielu... biex b’hekk ikomplu jieklu! Bil-Malti ngħidu li verament kienu jitħanżru!

Il-gula mhix marbuta biss mal-kilba esaġerata għall-ikel, iżda hemm forom oħra tagħha. Hemm il-gula għall-poter u l-gula biex nakkwista. Jekk wieħed jagħti ħarsa madwaru jara tant persuni, anke f’karigi pubbliċi u politiċi, li donnhom għandhom din il-gula. Aktar ma jkollhom poter, aktar iridu. U waqt li qegħdin f’din il-ġirja sfrenata ta’ gula, ma jinteressahomx li hemm ħaddieħor li qiegħed jispiċċa barra ‘jittewweb’, imwarrab jew ibati. Kuntenti huma, kuntent kulħadd.

Gula għall-poter


Il-poter politiku huwa maħluq biex ikun ta’ servizz. Il-poter politiku qiegħed hemm biex jagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini. Il-politiku qiegħed hemm biex jaħdem qatigħ ħalli jtejjeb l-istrutturi tat-tmexxija. B’hekk ikun hemm qabża fil-kwalit. talħajja ta’ kull ċittadin, anke dak li qiegħed jgħix fuq ‘il-ħobża ta’ kuljum, agħtini llum’. Din hija responsabbiltà. kbira.

Nistqarr li fil-fatt, dan mhux dejjem qiegħed iseħħ. Ċerti Deputati tal-Gvern, il-ħbieb tal-ħbieb u diversi funzjonarji f’entitajiet pubbliċi (li ħadu posthom mhux bil-mertu imma fuq ‘bażi ta’ fiduċja’) qegħdin donnhom f’gula sfrenata għall-poter. Ilkoll nafu b’Deputati Laburisti li għandhom tliet pagi differenti jew erbgħa. Ħatra waħda mhix biżżejjed!


Ilkoll smajna b’karigi ta’ persuni li għaliex dehru fuq il-billboards jew kienu kandidati spiċċaw f’ħatriet b’pagi li jġibulek għajnejk wara widnejk. Ilkoll qrajna fuq ħatriet maħluqin apposta biex ċerti persuni jkunu sodisfatti fil-gula għall-poter tagħhom. Ilkoll qrajna kif persuni li ma saddux fil-kariga li ngħataw, reġgħu ngħataw kariga oħra biex issoddhom!


Ġirja sħiħa biex wieħed jaħtaf u jiekol mill-kejk Laburist! U waqt li sar u qiegħed iseħħ dan, oħrajn twarrbu, ġew umiljati u mċaħħda. Addijo l-għajta ‘Malta Tagħna Lkoll’!

Nistqarr mingħajr tlaqliq li matul l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti wkoll, ċerti persuni kellhom u għad għandhom gula għall-poter. Fejn hemm iz-zokkor, hemm id-dubbien. U bħad-dubbien, li kif jara z-zokkor dlonk imur għal fuqu, hekk dawn għamlu u għadhom jagħmlu. U waqt li llum il-PN qiegħed iħallas il-prezz tal-gula li kellhom, xi wħud minnhom issa qed iduqu mill-benna tal-Partit Laburista waqt li oħrajn qegħdin ipappuha fil-kwiet!

Gula li nakkwista


Forma oħra ta’ gula hija dik li wieħed jakkwista u jkollu aktar. Għalkemm huwa tajjeb li wieħed jaħdem qatigħ biex itejjeb ħajtu, dan għandu jsir b’limitu u b’rispett lejn il-liġi ċivili. Sfortunatament, ċerti negozjanti kbar u żviluppaturi huma tant maħkumin mill-gula tal-akkwist li qatt mhuma kuntenti b’dak li għandhom. Iridu jibnu aktar. Iridu jkabbru aktar. Iridu jakkwistaw aktar. U forsi għaliex il-Gvern Laburista huwa obbligat lejhom, jidher li huwa lest jissodisfahom! Jidher li fejn tidħol il-gula tal-akkwist, m’hemmx kuxjenza. Kollox jgħaddi. Kollox jgħodd sakemm wieħed jakkwista!


Ilkoll nafu bl-intriċċi tal-każ tal-Caf. Premier. Ilkoll smajna fuq l-artijiet mogħtija lil Gaffarena. Ilkoll qrajna fuq il-ħeġġa tal-Gvern li jagħti l-art taż-Żonqor lil negozjant mill-Ġordan. Ilkoll qegħdin nisimgħu fuq diversi negozjanti li jingħataw permessi jew jinbidlu l-policies biex jagħmlu tajjeb għall-ħtiġiet tagħhom.

U dawn huma l-ftit li nafu! Dan qiegħed jagħmel il-ħsara lid-demokrazija għaliex meta d-demokrazija tkun ‘immexxija’ minn min għandu l-gula għall-akkwist, il-pajjiż jitlef id-demokrazija.

Waqt li jseħħ dan, aħna ċ-ċittadini qegħdin nagħmlu tajjeb għal din il-gula. Quddiem il-gula kollha, tajjeb li wieħed jiftakar li dak li wieħed jakkwista minn fuq il-ħsara u d-deni ta’ ħaddieħor ma jitgawdiex fit-tul u fis-serenità!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 19 ta' Lulju, 2015)

BACK
bottom of page