Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet
- Mar 1
- 4 min read
Qiegħed nipproponi li biex neliminaw din il-frammentazzjoni u jkun hemm ‘management’ aħjar u verament effikaċi, allura għandu jkun hemm One-Stop-Shop li joġbor lil kulħadd u kollox f’entità waħda.

Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet maħruġa f’żoni pubbliċi u fuq bankini, saret kwistjoni nazzjonali.
Huma diversi dawk ir-residenti f’diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna li qegħdin jilmentaw u jipprotestaw kif żoni pubbliċi qegħdin jispiċċaw meħuda minn numru ta’ entitatjiet kummerċjali li jagħmlu dawn il-bankini u żoni pubbliċi oħra bħal estensjoni tal-bar jew restorant tagħhom.
Jekk qabel kellna r-residenti ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira li jilmentaw minn dan l-abbuż, issa hawn anke r-residenti tal-Belt Valletta, Marsaskala, Birżebbuġa u saħansitra residenti ġewwa Għawdex, li qegħdin jilmentaw minn dan l-abbuż.
Għaldaqstant, ma nistgħux nibqgħu ndaħħlu rasna fir-ramel u ngħidu li din mhix problema jew inkella qegħdin naqbdu ma’ xi ħadd.
Qiegħed ngħid dan għaliex issa għandna wkoll rapport mingħand l-Ombudsman, li mhux biss juri li din il-kwistjoni saret problema imma anki jagħtina diversi rakkomandazzjonijiet biex nindirizaw din il-problema.
Ir-rapport jismu: Ensuring Safe and Unobstructed Mobility on Public Pavements and in Public Spaces.
lkoll naqblu li bħala Maltin li għandha klima Mediterranja, li nieklu u nieħdu kafè barra, dak li jsejjaħ ‘Al fresco’, hija esperjenza sabiħa. Din hija karatteristika li hija mfittxija anki mit-turisti, li jieħdu gost jieklu u jixorbu barra aktar u aktar meta huma jkunu ġejjin minn klima kiesħa.
Dan ifisser li l-imwejjed u s-siġġijiet huma xi ħaġa pożittiva li rridu nħarsu u ħadd mhu qiegħed jgħid li dawn ma għandhomx ikunu. Dak li diversi qegħdin jgħidu, fosthom issa anke l-Ombudsman, huwa meta hemm l-abbuż u tteħid komplut ta’ żoni pubbliċi.
Dan huwa l-punt kollu, li hemm bżonn ordni u bilanċ bejn l-interess pubbliku u l-interess kummerċjali. Ma jistax ikun hemm żbilanċ dejjem favur l-interessi kummerċjali u naqgħu u nqumu mill-interess tar-residenti.
U biex ikun hemm dan il-bilanċ, l-Ombudsman qiegħed jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom:
Mhux kulma għandu toqba ta’ resturant jew bar jaħseb li għandu xi dritt li jkollu l-imwejjed u s-siġġijiet bħala estensjoni ta’ toqba li għandu! Dan ifisser li hemm postijiet li għandu jkun hemm mwejjed u siġġijiet, u hemm postijiet oħra li dawn ma għandhomx ikunu! Irridu nneħħu dan is-sens ta’ ‘entitlement’ għal kwalunkwe raġuni.
Li jkun hemm sinjali u marki fl-art fejn wieħed għandu l-‘encroachment’ ta’ żoni pubbliċi. F’mistoqsija parlamentari li għamilt, staqsejt diversi drabi fejn jibda u fejn jispiċċaw numru ta’ ‘encroachments’ u bqajt bla risposta! Joħroġ ċar, li xi wħud mis-suba’ jieħdu l-id u jkabbru l-‘encroachment’ tagħhom. Filwaqt li matul il-Covid kien hemm talba biex dawn ikabbru l-‘encroachmet’ tagħhom, u dakinhar kulhadd qabel, imma l-ftehim kien li wara li jgħaddi l-Covid jerġgħu lura fejn kienu! Jidher ċar li dan mhux il-każ u kollox baqa’ fejn kien!
L-Ombudsman tkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ infurzar, u hawn hija l-problema tagħna. Aħna nibżgħu ninfurzaw għax nibżgħu li nitilfu xi voti. Imma rridu nifhmu li jekk mhux ser ninfurzaw il-liġijiet, allura nispiċċaw f’ġungla!
U propju għandna din il-problema għaliex il-Gvern jibża’ jinforża u ara fejn qegħdin! Kulħadd sar ‘cowboy’. Kulħadd sar arroganti u ħadd ma jista’ jkellem lil ħadd.
Għandu jkun hemm One-Stop-Shop
Personalment nemmen ukoll li n-nuqqas ta’ infurzar iseħħ għax ħadd, l-ebda entità pubblika, ma tieħu r-responsabbiltà ta’ dawn l-abbużi. Dan għaliex meta nitkellmu fuq l-imwejjed u s-siġġijiet, hemm frammentazzjoni sħiħa ta’ min hu responsabbli ta’ xhiex.
Fil-fatt, hemm madwar ħames entitajiet pubbliċi li meta wieħed iressaq ilement, jagħmlu bħall-pappri u jfarfru minn fuq spallejhom. Fil-fatt, hemm il-Pulizija, hemm l-Awtorità tal-Artijiet, hemm it-Trading Department, hemm l-Awtorità tal-Ipjannar u hemm ukoll l-Awtorità tat-Turiżmu! Dan ifisser ħames ministeri differenti!
Dan xi fisser? Ifisser li minħabba dan il-frammentazzjoni ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni u kulħadd jibagħtek mingħand Pilatu għal għand Kajfa, kif ngħidu bil-Malti.
Għaldaqstant, qiegħed nipproponi li biex neliminaw din il-frammentazzjoni u jkun hemm ‘managment’ aħjar u verament effikaċi, allura għandu jkun hemm One-Stop-Shop li jiġbor lil kulħadd u kollox f’entità waħda taħt ministeru wieħed.
B’hekk mhux biss tonqos il-burokrazija għas-sidien ta’ dawn l-entitajiet kummerċjali, għaliex għandhom kull ma jridu taħt saqajf wieħed, imma wkoll ir-residenti li meta dawn jwasslu l-ilmenti tagħhom fuq xi abbuż, ma jispiċċawx jiġru minn ministru għal ieħor.
Nemmen li dan il-One-Stop-Shop taħt ministeru wieħed għandu jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali, li huma suppost il-Gvern lokali u l-aktar entità li jafu eżattament x’jgħodd u ma jgħoddx għal lokalità tagħhom.
Li wieħed igħid, kif xi drabi kont nisma’ meta kont Sindku, ‘l-Kunsilli, is-Sindki u l-Kunsillieri ma tistax tħalli f’idejhom’, huwa nsult.
Għalhekk nemmen li l-Kunsilli għandhom ikunu parti integrali mid-deċiżjoni u mill-infurzar tal-kundizzjonijiet mogħtija.
Kontra l-abbuż
Ikun żbaljat dak li jaħseb li dan l-artiklu huwa kontra s-sidien tal-kummerċ. Ikun żball wkoll li wiehed jaħseb li r-residenti huma kontra kull attività kummerċjali.
Bħala Deputat u anke r-residenti, li qegħdin ngħidu huwa li aħna kontra l-abbuzi, kontra min minn suba’ jieħu l-id.
Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora dan l-abbuż aktar u aktar meta l-Gvern jiftaħar li jrid jkun hawn aktar spazji miftuħa.
Ir-residenti tagħna jistħoqqilhom igawdu dak li huwa pubbliku.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta in-Nazzjon – 27 ta' Frar, 2026)






