top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-Paċi Magħkom

  • May 14, 2025
  • 4 min read

Kollox jindika li l-Papa Ljun XIV se jkompli jimxi fuq il-passi tal-Papa Franġsiku li jieħu ħsieb lil dawk li huma vulnerabbli u jinsabu fit-truf tas-soċjetà.


Pope Leo XIV
Credit: Marco Iacobucci Epp / Shutterstock.com

Dawn kienu l-ewwel kliem tal-Papa l-ġdid, Papa Ljun XIV, meta dan ħareġ fil-gallerija biex isellem lil eluf ta’ persuni li kienu miġbura fi Pjazza San Pietru.

 

Il-Papa Leone huwa 267 suċċessur ta’ San Pietru. Il-Papa l-ġdid għalkemm għandu ċittandanza Peruvjana minħabba li kien isqof f’waħda mid-djoċesi fil-Perù, huwa minn Chicago fl-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Minħabba l-Knisja Kattolika twassal il-messaġġi tagħha ħafna drabi permezz ta’ sinjali, ritwali u tradizzjonijiet, tajjeb li wieħed jinnota ċerti affarijiet li għamel il-Papa propju fl-ewwel dehra tiegħu li permezz tagħhom wassal messaġġ.

 

1. L-isem li huwa għażel

 

Għalkemm l-isem tat-twelid ta’ dan il-Papa huwa Robert Francis Prevost, il-Papa magħżul jagħżel isem li bih huwa jkun magħruf. Dan ma jsirx għall-gost imma wara l-isem li wieħed ikun għażel, il-Papa magħżul irid iwassal messaġġ. Ratzinger għażel l-isem ta' Benedittu, filwaqt li Bergoglio għażel l-isem ta’ Franġisku.

 

San Benedittu hu l-patrun tal-Ewropa u b’dan l-isem, Papa Ratzinger ried iwassal messaġġ fuq il-ħtieġal li l-kontinent Ewropew jerġa’ jiskopri l-Evanġejlu. Dan għaliex il-Knisja u l-Kristjani fl-Ewropa qegħdin jonqsu u s-sens ta’ reliġjon naqas hafna f’diversi pajjiżi fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra, Рара Bergoglio għażel l-isem ta’ Franġisku għaliex ried ikun il- Papa li jagħti vuċi lill-fqar u lil dawk vulnerabbli bħalma għamel San Franġisk t'Assisi.

 

Mela l-isem magħżul huwa statement ta’ fejn il-Papa jrid jieħu d-dgħajsa ta’ Pietru. Għaldaqstant, l-għażla ta’ Papa l-ġdid ta’ Papa Ljun huwa biex ikompli fuq il-ħidma ta’ Papa Ljun XIII li tela’ Papa fit-20 ta’ Frar 1878 sa Lulju 1903.

 

Dan il-Papa huwa meqjus Papa li kiteb it-tagħlim soċjali tal-Knisja fejn diversi partiti politiċi, fosthom il-PN, ħadu ispirazzjoni minnu fil-politika soċjali tagħhom.

 

Fil-fatt, fl-Enċiklika Rerum Novarum, il-Papa tkellem fuq diversi prinċipji li fuqhom hija mibnija l-politika soċjali tal-Knisja. Fosthom hemm: id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħidma tal-unions, il-familja, il-ġid komuni, dritt tal-propjetà privata, l-inġustizzja soċjali, il-foqra u l-paċi.

 

Dan kollu juri li l-Papa ġdid se jkun qiegħed jaħdem fuq dawn it-temi prinċipali. Dan huwa l-proġett li għandu f’moħħu Papa Ljun XIV. Dan joħroġ aktar mill-fatt li l-Papa l-ġdid għamel diversi snin jaħdem bħala missjunarju fil-Perù fejn matul il-ħidma tiegħu ltaqa’ mal-inġustizzja soċjali, il-faqar u persuni vulnerabbli.

 

Dan ifisser li l-Papa Ljun se jkompli jimxi fuq il-passi ta’ Papa Franġisku li jieħu ħsieb lil dawk li huma vulnerabbli u jinsabu fit-truf tas-soċjetà. Ifisser ukoll li jrid ikompli jara l-Knisja bħala komunità li sservi lill-umanità u mhux tisserva bl-umanità għall-glorja tagħha stess!

 

2. It-tislima: il-paċi magħkom

 

Mill-ewwel diskorsi tiegħu l-Papa Ljun XIV wera li jrid jaħdem biex ikun bennej u ambaxxatur tal-paċi. Tkellem fuq il-ħtieġa li wieħed jibni l-pontijiet aktar milli l-ħitan. Preżentement, fid-dinja hawn diversi postijiet fejn hawn il-ġlied u l-gwerer u tensjoni politika kbira. Hawn diversi mexxejja ta’ pajjiżi li flok huma bennejja tal-paċi huma aktar xewwiexa għall-ġlied u l-qerda. Biżżejjed wieħed jara s-sofferenza u t-tbatija li għaddejijn minnhom il-poplu fl-Ukrajna u f’Gaża. F’dawn l-aħħar jiem, anke l-Pakistan u l-Indja reġgħu kellhom xi jgħidu bejniethom!

 

Imma l-Papa ma tkellimx biss fuq paċi politika. Il-paċi vera u dejjiema tiġi minn ġewwa l- qalb il-bniedem. Għaldaqstant, fl-ewwel diskors li għamel l-għada lill-Kardinali miġbura għall-ewwel quddiesa miegħu, hu tkellem li qalbna ma tista’ qatt issib mistrieħ jekk mhux f’Alla.

 

Hawnhekk ħareġ ċar it-timbru ta’ San Wistin fejn kien stqarr li qalbna ma ssib qatt kwiet jekk mhux Fih. Il-Papa Ljun huwa fuq kollox patri Agostinjan u allura ma setax jonqos li jsemmi dan!

 

3. Papa Amerikan

 

Diversi kienu jgħidu li qatt ma jkun magħżul Papa Amerikan. Dan minħabba l-fatt li l-Amerika hi superpotenza u allura ma jistax ikun hemm persuna oħra fil-poter barra I-President Amerikan. Jidher ċar li l-Kardinali fl-għażla tagħhom wasslu messaġġ minn taħt.

 

Sfortunatament, il-President attwali Amerikan Donald Trump qiegħed joħloq diversi tensjonijiet politiċi u ekonomiċi lil diversi pajjiżi. Qiegħed ukoll mhux biss jieħu deċiżjonijiet li huma kontra t-tagħlim tal-Knisja imma anke jagħti isem ħażin lill- Amerika.

 

Papa Ljun jista’ jkun magħżul bħala antidote għal Trump! Fi kliem ieħor, il-Papa, bl-awtorità morali tiegħu, jista’ jagħmel bilanċ għall-politika ta' Trump.

 

4. L-istola li kien liebes

 

Għalkemm il-Papa Franġisku ma riedx jilbes din l-istola ħamra fid-dawl li ried jimxi fuq il-passi ta’ San Franġisk, din l-istola għandha simbolu kbir storiku. Jekk wieħed jara l-istampi kollha tal-papiet preċedenti li kellna, wieħed jara li kull Papa ġdid normalment libisha!

 

Meta l-Papa jilbes din l-istola, fuqu qiegħed jieħu l-passat, il-patrimonju u l-istorja kollha tal-Knisja fit-tajjeb u l-ħażin li kellha matul is-sekli. Araw x’responsabbiltà. Forsi għalhekk kull Papa jkun kommoss għaliex jifhem ir-responsabbiltà li se jkun qiegħed iġorr!

 

Kollox ma’ kollox joħroġ dejjem ċar mhux biss li min jidħol bħala papa, joħroġ bħala kardinal imma hu l-Ispirtu tal-Mulej jillumina li dawk miġbura. Jidher li għal darb’oħra, l-Ispirtu tal-Mulej għamel l-għażla tiegħu waħda ċara.

 

Nitolbu għal Papa Ljun XIV biex ikompli jmexxina fit-triq tas-sliem.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta in-Nazzjon – 14 ta' Mejju, 2025)

BACK
bottom of page