top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fis-soċjetà. Il-mistoqsija fundamentali hija: jista’ l-Istat iġib lura l-ġustizzja billi jieħu ħajja umana oħra? Għandu l-Istat ibiddel il-ġustizzja f’vendetta?

14/10/26

When will Malta experience its own Bastille moment?

When will Malta experience its own Bastille moment?

When reform is no longer enough, our political system must change, writes Albert Buttigieg. What it needs is a fundamental rethinking – and rewriting – of the entire system of government.

01/10/26

Ċittadini attivi

Ċittadini attivi

Il-President Amerikan John F. Kennedy kien qal espressjoni li fiha ħafna x’togħmod: “Tistaqsix x’jista’ jagħmel l-Istat għalik, imma x’lest tagħmel inti għall-Istat.” Hija espressjoni li tikxef ir-responsabbiltà li għandu kull ċittadin lejn pajjiżu.

01/10/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

10 hours ago
3 min read

Il-piena tal-mewt hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fis-soċjetà. Il-mistoqsija fundamentali hija: jista’ l-Istat iġib lura l-ġustizzja billi jieħu ħajja umana oħra? Għandu l-Istat ibiddel il-ġustizzja f’vendetta?


Christa Pike
Credit: facebook True Crime Cases

Nemmen bis-sħiħ li l-ġustizzja qatt m’għandha tinbidel f’vendetta.


Il-vittmi u l-familji tagħhom jistħoqqilhom il-ġustizzja, ir-rikonoxximent tat-tbatija tagħhom u l-garanzija li s-soċjetà se tagħmel minn kollox biex tipproteġi lil ħaddieħor minn delitti simili. It-tbatija tagħhom qatt m’għandha tiġi minimizzata. Min iwettaq delitti serji għandu jinżamm responsabbli għal għemilu. Madankollu, iż-żamma tar-responsabbiltà ma tfissirx li l-Istat għandu jirrikorri għall-piena tal-mewt.


Il-piena tal-mewt hija krudili u irriversibbli, u ġġorr magħha r-riskju ta’ żball ġudizzjarju traġiku. Ladarba persuna tiġi eżegwita, ma jkunx hemm possibbiltà li l-iżball jiġi kkoreġut jekk aktar tard jinstab li kienet innoċenti.


Avvenimenti reċenti fl-Istati Uniti reġgħu qajmu d-dibattitu dwar il-piena tal-mewt. Fit-30 ta’ Settembru 2026, f’Tennessee, sar tentattiv biex Christa Pike tiġi eżegwita b’injezzjoni letali, wara li kienet instabet ħatja ta’ qtil li seħħ fl-1995. Skont ir-rapporti dwar dan il-każ, il-proċedura falliet minkejja li ngħataw żewġ dożi tas-sustanza maħsuba għall-eżekuzzjoni. Pike baqgħet ħajja, iżda sofriet kumplikazzjonijiet mediċi serji u ddaħħlet l-isptar.


Dan il-każ ma jfissirx li Pike kienet innoċenti tad-delitt li nstabet ħatja tiegħu. Madankollu, iqajjem mistoqsijiet serji dwar il-proċess tal-eżekuzzjoni, it-tbatija li jista’ jikkawża u r-responsabbiltà tal-Istat meta jeżerċita s-setgħa li jneħħi ħajja umana.


Barra minn hekk, dejjem hemm ir-riskju ta’ żbalji ġudizzjarji, jiġifieri każijiet fejn persuni jiġu kkundannati inġustament. Bl-Ingliż dan jissejjaħ ‘miscarriage of justice’. Fil-fatt, fl-Istati Uniti, mill-1973 ’l hawn, mill-inqas 203 persuni li kienu ġew ikkundannati għall-mewt ġew eżonerati wara li nstab li l-kundanni tagħhom kienu żbaljati. Barra minn hekk, riċerka indikat li mill-inqas 4.1% tal-persuni kkundannati għall-mewt bejn l-1973 u l-2004 setgħu kienu ġew ikkundannati inġustament.


Il-Papa Ljun tkellem kontra l-piena tal-mewt, filwaqt li saħaq fuq l-importanza tad-dinjità umana. Huwa enfasizza wkoll il-kontradizzjoni li wieħed jiddefendi l-ħajja filwaqt li jappoġġa l-piena tal-mewt. Il-Knisja Kattolika wkoll tgħallem li l-piena tal-mewt hija inaċċettabbli, għaliex tmur kontra l-invjolabbiltà u d-dinjità tal-persuna umana, anki meta din tkun wettqet delitti gravi.


Il-messaġġ huwa ċar: anki min iwettaq delitti gravi ma jitlifx id-dinjità umana tiegħu u hemm tama li jbiddel ħajtu.


Malta wkoll għamlet passi importanti f’dan ir-rigward. Il-piena tal-mewt tneħħiet għal reati ordinarji fl-1971 u ġiet abolita kompletament, inkluż għal reati militari, fl-2000. Dan juri li pajjiż jista’ jħares il-ġustizzja u jipproteġi lis-soċjetà mingħajr ma jirrikorri għall-eżekuzzjoni tal-ħatja.


Dan ma jfissirx li għandna niskużaw lill-kriminali, ninsew lill-vittmi jew inħallu persuni perikolużi jheddu lis-soċjetà. Għall-kuntrarju, il-gvernijiet għandhom id-dmir li jipproteġu lill-pubbliku u jiżguraw li min iwettaq delitti serji jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ għemilu. F’każijiet partikolarment gravi, il-ħati jista’ jingħata sentenza ta’ priġunerija għal għomru. Il-ħabs iservi kemm biex jipproteġi lis-soċjetà kif ukoll biex jiżgura li l-ħati jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, għandhom jiġu offruti programmi ta’ riabilitazzjoni, għalkemm dawn ma jistgħux iħassru l-ħsara li tkun saret.


Hemm min isostni li l-piena tal-mewt tiskoraġġixxi lil oħrajn milli jwettqu delitti simili. Madankollu, m’hemmx evidenza konklużiva li turi li l-eżekuzzjonijiet inaqqsu r-rata tal-qtil aktar minn sentenzi ta’ priġunerija għal għomor. Minkejja li l-piena tal-mewt għadha teżisti f’xi stati Amerikani, il-qtil għadu problema serja. Dan għaliex ħafna delitti jitwettqu f’mumenti ta’ rabja, biża’ jew nuqqas ta’ kontroll, meta l-ħati ma jaħsibx sew fil-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, il-piena tal-mewt mhux bilfors tipprevjeni delitti futuri. Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tkun żbaljat, l-eżekuzzjoni telimina għal kollox kull possibbiltà li l-iżball jiġi kkoreġut.


Hemm ukoll mistoqsija morali aktar profonda li rridu nagħmlu lilna nfusna: jekk nikkundannaw il-qtil għaliex nemmnu li l-ħajja umana hija prezzjuża, kif nistgħu niġġustifikaw it-teħid ta’ ħajja umana bħala forma ta’ kastig? Soċjetà ċivilizzata għandha tagħraf il-gravità tad-delitti u tiżgura li l-ħatja jiffaċċjaw il-ġustizzja, filwaqt li tħalli miftuħa l-possibbiltà tal-indiema, tar-riabilitazzjoni u tal-bidla fil-ħajja.


Nemmen bis-sħiħ li ma nistgħux ngħallmu lis-soċjetà li l-qtil huwa ħażin u mbagħad nagħmlu mill-qtil innifsu forma ta’ kastig.


Għalhekk, filwaqt li l-ġustizzja trid tkun soda, il-vittmi qatt m’għandhom jintesew u min iwettaq delitti serji għandu jinżamm responsabbli, irridu niżguraw li l-ġustizzja tibqa’ umana.


Soċjetà tassew ġusta tipproteġi l-ħajja, tiddefendi d-dinjità umana u ma tħallix li anki l-aktar delitti atroċi jeqirdu l-prinċipji morali tagħha. Il-ġustizzja qatt m’għandha tinbidel f’vendetta.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 13 ta' Ottubru, 2026)

BACK
bottom of page