top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Is-Silenzju u l-konsistenza

  • Feb 19, 2015
  • 3 min read


Ċittadin attiv isemma’ leħnu u ma jafx ‘jigdem ilsienu’.


Għalih mhux kollox jgħodd. Mhux kollox jibqa’ sejjer qisu mhu xejn. Iċ-ċittadin attiv iwassal l-opinjoni tiegħu mingħajr tlaqliq. Jaqsam l-ideat tiegħu b’mod kostruttiv. B’determinazzjoni sħiħa, jitkellem fejn iħoss li l-affarijiet mhux sejrin tajbin, fejn setgħu marru aħjar jew fejn marru ħażin. Ċittadin attiv ma jibżax li jidher ikrah. Jaf li dak li qiegħed jgħid huwa mibni fuq intenzjoni tajba: il-ħarsien tal-ġid komuni. Iċ-ċittadin attiv iwassal dak li għandu jgħid u jemmen fih mingħajr ma jitgħajjar u jaqa’ fil-baxx. Waqt li ċittadin passiv, iħobb biss jisma’ leħnu billi jgerger u jmaqdar mingħajr ma jagħti s-soluzzjonijiet, iċ-ċittadin attiv jitkellem, jgħid dak li jemmen fih u joffri ssoluzzjonijiet.

Ċittadin attiv huwa ċittadin onest. Għaldaqstant huwa konsistenti fil-kritika tiegħu. Dak li kellu l-kuraġġ jikkritika lbieraħ, ma jaqax fis-silenzju dwaru llum. Ċittadin attiv u onest ma joqgħodx kwiet sakemm jara li dak li jemmen li mhux sejjer tajjeb, isir tajjeb. Ma jaqax fis-silenzju sakemm dak li jkun ikkritika, ikun tranġa. Il-konsistenza tiegħu mhix għall-bejgħ. Jaf li jekk ‘ibigħ’ il-konsistenza tiegħu, jitlef l-integrita’ u l-kredibbiltà. Dak li llum jaqa’ fis-silenzju quddiem l-affarijiet li kien jikkritika sal-bieraħ bis-saħħa kollha, ifisser li fil-verita’ qatt ma kellu intenzjoni ġenwina. Is-silenzju tiegħu jikxef il-maskra li kellu. Is-silenzju juri li forsi wieħed kellu aġenda moħbija jew kien leħen orkestrata. Għaldaqstant, is-silenzju jikkompremettih.

Għaliex qiegħed ngħid dan?

Qiegħed ngħid dan għaliex kien hemm diversi persuni u anke gruppi ta’ NGOs li sa sentejn ilu kienu minn ta’ quddiem nett biex isemmgħu leħinhom fuq dak li kienu jħossu li ċerti affarijiet, deċiżjonijiet u anke proposti politiċi ma kinux sejrin kif suppost jew li setgħu saru aħjar. Sa sentejn ilu, dawn kienu minn ta’ quddiem nett u ma tilfux okkażjoni waħda biex bis-saħħa kollha juru l-fehma u l-opinjoni tagħhom.

U agħmlu tajjeb.

Ejjew ma nibqgħux ninħbew wara subgħajna u nammettu li kien hemm affarijiet li ma sarux sew jew inkella li setgħu saru ferm aħjar. Oħrajn kienu deċiżjonijiet ħżiena wkoll! Irridu nagħrfu li kien hemm affarijiet u proposti politiċi li ftit kienu jagħmlu sens għas-soċjetà tallum. Irridu jkollna l-umiltà u biżżejjed kuraġġ biex ngħidu, ‘iva, mhux kollox kien ward u żahar’. Ninsabu proprju fl-Oppożizzjoni għaliex fil-verità mhux kollox kien miexi sew, u nibqgħu fl-Oppożizzjoni jekk nibqgħu ninsistu li kollox kien sew!

Għaldaqstant, nemmen li kellhom raġun li semmgħu leħinhom. Hekk għandu jkun ċittadin attiv.

IMMA u hawn tinsab l-‘imma’ kollha, irrid nistaqsi: ISSA, FEJN HUMA? X’sar minnhom? Għaliex waqgħu fis-silenzju… u f’ċerti mumenti waqgħu f’silenzju li jtarrax!

Is-silenzju tagħhom juri li forsi kellhom aġenda ’l bogħod mill-ġid komuni? Forsi leħinhom ġie ‘mixtri’? Forsi ġew imġiegħla jisktu bħalma missier isikket lil ibnu? Għalkemm bl-Ingliż jgħidu li ‘silence is golden’, f’dan il-każ, għalija s-silenzju tagħhom juri inkonsistenza, nuqqas ta’ ġenwinità u integrità!

Ħa nsemmi ftit eżempji:

It-trasport pubbliku: Kemm smajna lmenti minn żgħażagħ universitarji li ma jaslux fil-ħin? Kemm tkellimna dwar persuni li baqgħu jistennew għal ħinijiet twal fuq l-istages? Il-puntwalità, l-indafa, ix xufiera, ir-road maps għat-trasport pubbliku u s-sussidju mogħti mill-Gvern tal-ġurnata? U issa? SILENZJU!

Saħħa pubblika: Kemm smajna fuq pazjenti kkurati fil-kurituri? Kemm smajna fuq appuntamenti mogħtija għal xhur fil-bogħod? Kemm smajna fuq livell baxx ta’ servizz? U issa quddiem każi ta’ pazjenti li jmutu fil-kurituri u servizz li sejjer aktar lura? SILENZJU!

Drittijiet tal-ħaddiema: Kemm smajna fuq ħaddiema b’xogħol prekarju u b’kundizzjonijiet ħżiena? U issa, dwar il-ħaddiema tal-Leisure Clothing, transfers politiċi fil-pulizija u l-armata, biża’ fil-ħaddiema tal-Gvern, pagi baxxi għal ħaddiema tal-child care centers u transfers f’Enemalta, fost oħrajn? SILENZJU!

L-istess nista’ ngħid fuq diversi kwistjonijiet oħra bħal: persuni fir-riskju tal-faqar, il-paga minima u l-living wage, il-meritokrazija fl-ogħti ta’ promozzjonijiet flamministrazzjoni u fl-entitajiet pubbliċi b’paga fenomenali, l-għotja ta’ 58c fil-ġimgħa, żieda fil-ħlas tal-eżamijiet, il-ħtieġa ta’ akkontabbilta’ ta’ kif joħorġu ttenders, il-protezzjoni tal-ambjent u żvilupp barra mill-ODZ, ittrasparenza tal-kuntratti tal-power station u x-xiri taż-żejt, l-għoli tal-petrol u d-diesel, il-problema tal-arroganza wara biss sentejn fittmexxija, il-problemi ta’ nuqqas tal-manutenzjoni u tisbiħ fl-housing estates, il-problema tal-anzjani u l-ogħli tal-ħajja?

SILENZJU. SILENZJU. SILENZJU.

Jekk wieħed fl-imgħoddi kien isemma’ leħnu, għaliex issa le? Ċittadin attiv jitkellem. Ċittadin passiv igerger biss. Semma’ leħnek! Uri fehmtek… issa wkoll!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 19 ta' Frar, 2015)

BACK
bottom of page