top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

L-ambjent taħt assedju

  • Jun 19, 2023
  • 3 min read

Jekk verament irridu nħarsu l-ambjent u nifhmu l-importanza għal kwalità tal-ħajja tagħna u għas-saħħa mentali, hemm bżonn ikollna l-kuraġġ li nieħdu dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa li jħarsu l-ambjent.


Credit: Shutterstock.com

Kull diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent trid issir madwar 4 fatti prinċipali. Mingħajrhom ma nistgħux verament nitkellmu sew fuq il-ħarsien tal-ambjent.


Fatt 1


L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. L-ambjent (fil-wiesgħa kollu tal-kelma) huwa valur fundamentali. Il-kwalità tal-ħajja tagħna tiddependi ħafna mill-ambjent li nkunu mdawrin bih. Għaldaqstant, hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li nħarsuh u nipproteġuh, b’mod speċjali fejn jidħol il-kostruzzjoni. Filwaqt li hemm diversi fatturi oħra, il-kostruzzjoni huwa l-akbar fattur li qiegħed iħalli mpatt fuq l-ambjent tagħna.


Fatt 2


Minn dejjem kien hemm tensjoni bejn il-valur tal-ambjent u l-iżvilupp. Għalkemm l-iżvilupp fih innisfu huwa tajjeb/bżonjuż/progress, imma dan irid iseħħ b’rispett u f’bilanċ mal-ambjent. B’hekk għandha bżonn nitkellmu fuq żvilupp sostenibbli.


Fatt 3


Sfortunatament, żvilupp sostenibbli mhuwiex qed iseħħ. Diversi drabi l-ambjent spiċċa vittma tal-iżvilupp mingħajr rażan. Taħt l-iskuża tal-progress u l-ekonomija, l-ambjent spiċċa abbużat. Dan wassal biex illum Malta saret bħal donna ‘one construction site’. M’hawnx raħal jew belt li ma hemmx kostruzzjoni salvaġġa għaddejja. Dan qed iwassal biex diversi bliet u irħula tagħna, u saħansitra Għawdex, qed jitilfu l-karatteristiċi u l-identità tagħhom. Fil-qosor: l-ambjent jinsab taħt assedju. Din id-darba mhuwiex assedju mit-Torok imma minn dawk (li jiena nħobb insejħilhom ‘fat cats’) li jaħsbu li Malta hija l-propjetà tagħhom.


Fatt 4


Biex issolvi problema, trid l-ewwel tammetti li għandek problema. Nistgħu nipproteġu l-ambjent meta bl-onestà nammettu li nqasna lill-ambjent. Ninsabu f’stadju ta’ emerġenza ambjentali li ser twassalna għal problemi soċjali kbar, fosthom nuqqas ta’ saħħa mentali. Għaldaqstant, nifhem u napprezza l-preokkupazzjoni ta’ diversi, fosthom żgħażagħ li qed juru dan it-tħassib.


X’inhu r-rispons tal-Gvern Laburista issa li ilu 10 snin fit-tmexxija?


Diversi jakkużaw il-Gvern Laburista li huwa kompliċi f’dan id-diżastru u li mhux qiegħed jagħmel l-ebda sforz ġenwien biex isolvi l-problemi. Biex forsi jipprova jagħti l-impressjoni li qiegħed jagħmel xi ħaġa ħareġ bil-proposta biex l-ERA – jiġifieri l-entità li tħares l-ambjent – ikollha kummissjoni ambjentali fejn il-membri ta’ dan il-bord ikunu nominati mill-Ministru stess!


Nidħaq jew nibki? Jiġifieri biex inħarsu l-ambjent nagħmlu kummissjoni oħra ma’ ħafna kummissjonijiet oħra li għandha fil-pajjiż biex inħarsu l-ambjent!


Filwaqt li l-proposta fija nnifisha hija pass żgħir ’il quddiem biex ikun hemm trasparenza fid-deċiżjonijiet, żgur li din mhix ser toffri l-garanzija li verament l-ambjent ikun protett minn min irid ikompli jitħanzer u jħaxxen butu a skapitu tal-ambjent.


Jekk verament irridu nħarsu l-ambjent, allura rridu jkollna l-kuraġġ li naqbdu l-barri minn qrunu meta nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet li verament jipproteġu l-ambjent.


Ħa nsemmi xi wħud, fost oħrajn.

  1. Għalkemm l-ERA ġiet separata mill-Awtorità tal-Ipjannar, fuq il-premessa li din ser tingħata importanza daqs il-Planning, fir-realtà din spiċċat seftura tal-Planning. Spiċċat kelb jinbaħ u ma jigdimx. Spiċċat mhux biss b’vot wieħed fejn ir-rwol tagħha huwa dak konsultattiv, jiġifieri li l-Planning tista’ taċċetta l-fehma tagħha jew le. Mhux l-ewwel darba li l-ERA tgħid mod, filwaqt li l-Planning jgħid mod ieħor. Fl-istess baħar tinsab il-sopravivenza tal-patrimonju kulturali li mhux l-ewwel darba li l-Planning ma jagħtix każ il-fehma tagħha. Jekk verament irridu nħarsu l-ambjent, allura mhux nisseparaw dawn it-tliet entitajiet, imma li dawn jingħaqdu f’direttorjat flimkien, jingħataw l-istess status u awtorità, u biex applikazzjoni tgħaddi jrid ikun hemm qbil minn dawn it-tlett direttorji.

  2. Il-ħtieġa ta’ update tal-local plans billi jkollna masterplan nazzjonali, jiġifieri li nagħmlu numru ta’ studji u nistaqsu diversi mistoqsijiet kemm fuq livell ta’ lokalitajiet u regjuni, li flimkien imbagħad jingħaqdu f’masterplan wieħed. Nistaqsu: X’Malta rridu għal 50 sena oħra? Malta tiflaħ aktar żvilupp? Nistgħu nagħmlu building capacity? Kif ser inħarsu l-streetscapes/townscapes u l-identità tal-irħula tagħna?


Wara li nagħmlu dawn l-istudji u nwieġbu dawn il-mistoqsijiet, allura nistgħu nagħmlu masterplan ħolistiku ta’ pajjiżna.


Hemm punti oħra li hemm bżonn li nitkellmu dwarhom, bħal ma hu l-protezzjoni tal-ġonna tagħna; numru ta’ policies oħra li hemm bżonn jinbidlu bħalma huma Rural Policy u DC 15; il-ħtieġa li nitkellmu fuq is-solar rights tar-residenti tagħna; enfurzar fuq illegalitajiet; u l-ODZ/UCA jibqgħu ODZ/UCAs!


Jekk verament irridu nħarsu l-ambjent u nifhmu l-importanza għal-kwalità tal-ħajja tagħna u għas-saħħa mentali, hemm bżonn ikollna l-kuraġġ li mhux biss nagħmlu kummissjoni għall-ambjent, imma li jkollna aktar kuraġġ nieħdu dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa li jħarsu l-ambjent.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 18 ta' Ġunju, 2023)

BACK
bottom of page