top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Enabling the politics of bullying?

Enabling the politics of bullying?

US President Donald Trump is a bully who threatens world peace and global stability, and the world must stand up to him. Using Trump’s logic, Putin was justified in invading Ukraine. Credit: History in HD / Unsplash Acting like a bully in a schoolyard is something most of us can sadly recall from experience. When a bully is not challenged but excused or ignored, the abuse does not stop. On the contrary, the bully grows bolder, targets more people and pushes boundaries further. Regrettably, US...

25/01/26

The importance of peace builders

The importance of peace builders

We too often take our democratic stability, the rule of law, social justice and social cohesion, long considered pillars of lasting peace, for granted. Sadly, discourse on social media has grown increasingly harsh, normalising insults, resentment and misinformation. Credit: Shutterstock.com At the start of 2026, peace feels more urgent, and more fragile, than ever. From the devastating scenes in Ukraine to the genocide in Gaza, to conflicts in Sudan and numerous others that failed to make the...

15/01/26

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi ta’ l-għola kwalità.

12/01/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Nibnu pontijiet u mhux ħitan

  • manuelschembri
  • Jun 17, 2017
  • 3 min read

It-tmexxija l-ġdida taħdem qatigħ biex tiġbor u tinvolvi lil kulħadd.



Matul il-kampanja elettorali fl-Istati Uniti, Donald Trump stqarr li jekk huwa jintgħażel bħala President, kien se jibni ħajt kbir biex jifred lil pajjiżu mill-Messiku. Wara din id-dikjarazzjoni, il-Papa Franġisku stqarr li fil-ħajja huwa ferm aktar importanti li wieħed jibni pontijiet milli ħitan! Saħaq li l-ħitan huma sinjal ta’ insigurtà u jwasslu biex wieħed jispiċċa jingħalaq fih innifsu.

Wara t-tieni telfa elettorali li l-Partit Nazzjonalista ġarrab, hija reazzjoni naturali li ntellgħu ‘l-ħitan’ u ngħollu ‘d-drawbridge’ biex ningħalqu ‘fil-fortizza’ tagħna. Huwa faċli li nagħmlu bħal qanfud li tella’ ġismu xewk xewk biex jipproteġi lilu nnifsu. Huwa faċli li xi wħud jagħmlu wkoll bħal qtates li jipproteġu t-territorju tagħhom. Huwa faċli li nogħoqdu nibku xortina. Min-naħa l-oħra, huwa faċli li nwaħħlu fil-votanti biex forsi naħarbu mir-responsabbiltajiet tagħna. Faċli wkoll li kull ħidma tal-Gvern tispiċċa fil-mira tal-kritika tagħna.

Huwa f’dan il-kuntest li l-kliem tal-Papa Franġisku jagħmel ħafna sens. Jekk verament irridu nħarsu u nimxu ’l quddiem, jeħtieġ li nibnu pontijiet u mhux ħitan. Forsi xi ħadd jistaqsi liema ‘pontijiet’ hemm bżonn li nagħmlu? Hemm diversi. Se nsemmi xi wħud mingħajr ma nwarrab oħrajn.

Il-PN u niesu


L-ewwel pont li nemmen li l-Partit Nazzjonalista hemm bżonn li jagħmel huwa ma’ niesu stess! Matul dawn l-erba’ snin li ili naħdem fil-Partit inħoss li hemm ċrieki fi ċrieki ta’ ħbieb li filwaqt li ‘għenu’ lil xulxin, iwarrbu lil oħrajn!

Għalkemm huwa fatt li dan jeżisti f’kull għaqda u f’kull grupp, dan ma għandux ikun skuża biex inkomplu nkabbru ‘ċ-ċrieki’. Inħoss li hemm diversi persuni fi ħdan il-Partit, anke kandidati, li filwaqt li jħobbu lill-Partit u jagħmlu diversi sagrifiċċji, ma jingħatawx l-istess opportunitajiet u spazji bħal ħaddieħor. Hemm numru ta’ nies li donnhom huma stmati qishom persuni tat-tieni klassi! Hemm persuni li l-aġenda tagħhom donnha mhix li jkunu ta’ servizz imma ta’ poter! Dawn jagħmlu minn kollox biex iwarrbu lil oħrajn biex jaslu huma. Ma jien qiegħed nipponta subgħajja lejn ħadd. Min huwa onest jasal biex jagħraf dan. It-tmexxija l-ġdida trid taħdem qatigħ biex tiġbor u tinvolvi lil kulħadd.

Ma nistgħux nibqgħu nitilfu n-nies għax huma skomdi għal xi wħud!

Il-PN u l-valuri


It-tieni pont li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jagħmel huwa pont mal-valuri tiegħu. Nistqarr li l-aħħar elezzjoni ma kinitx elezzjoni dwar proposti imma dwar valuri fundamentali fid-demokrazija tagħna. Issa li għaddiet l-elezzjoni, tajjeb li wieħed jgħarbel sew x’inhuma l-valuri u t-twemmin tagħna bħala partit.

Filwaqt li nistqarr li l-Partit Laburista tbiegħed mill-għeruq tiegħu, jista’ jkun li dan qiegħed iseħħ ukoll fil-Partit Nazzjonalista? Għalhekk huwa l-mument li nagħżlu fuq liema valuri se nibnu l-viżjoni tagħna. Il-politika tagħna trid tkun mibnija fuq valuri. Huma l-valuri li mhux biss jagħtuna viżjoni imma anke direzzjoni. Huma l-valuri li jagħtuna mhux biss identità imma jagħmluna differenti minn partiti oħrajn. Jekk inkunu bħal kull partit ieħor, allura l-votant jirraġuna li jekk kollha l-istess, allura wieħed jista’ jibqa’ bl-istess partit fil-Gvern! Qiegħed ngħid dan mhux għaliex għandi xi nostalġija għal ‘religio’ u ‘patria’. L-arloġġ tal-ħajja għandu jibqa’ jaħdem ’il quddiem u mhux lura! Il-kumment tiegħi huwa dwar li bżonn li nagħfru li aħna partit Demokristjan fi ħdan il-Partit Popolari fil-Komunità Ewropea. Jien nixtieq inkun xhud tal-valuri tiegħi. Filwaqt li nżommu ma’ dawk il-valuri Kristjani u umani, inħarsu ’l quddiem f’soċjetà sekulari.

Tajjeb li nistaqsu: “Min aħna? X’qed noffru differenti?”. Nemmen li ma nistgħux inkunu kollox għal kulħadd! Irridu nagħżlu l-valuri tagħna, imbagħad inħallu r-responsabbiltà tal-votanti li jagħmlu l-għażla tagħhom.

Il-PN u s-soċjetà ċivili


It-tielet pont li hemm bżonn huwa li l-Partit jeħtieġlu jagħmel pont mas-soċjetà ċivili. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed joħroġ li diversi ċittadini, filwaqt li ma jħossuhomx komdi jaħdmu fi strutturi ta’ partit politiku, huma lesti li jkunu ċittadini attivi fi ħdan għaqdiet u movimenti. Dan joħroġ ċar fil-każ tal-għaqdiet ambjentali. Il-Partit għandu jkun huwa li jmur għandhom u mhux jistenna li huma jiġu għandu! Il-Partit għandu jkun sieħeb magħhom u mhux il- ‘big brother’ tagħhom.

Il-PN u ċ-ċittadini


Ir-raba’ pont huwa pont maċ-ċittadini tagħna. Is-soċjetà tagħna hija dik li hija u mhix is-soċjetà tal-bieraħ. Hemm bżonn li nifhmu lil din is-soċjetà. Filwaqt li għandu jkollna widnejna miftuħin għal dak li għaddej fis-soċjetà, hemm bżonn li nisfidaw lis-soċjetà tħares lil hinn mill-ponta ta’ mneħirha. Hemm bżonn noffru viżjoni ta’ x’nistgħu noffru lil pajjiżna. Iċ-ċittadini jivvutaw għal gvern li se jmexxi. Għaldaqstant, għandu jkollna aktar enerġija fuq kif nistgħu mmexxu lil dan il-pajjiż milli nitilfu l-enerġija tagħna fuq kemm il-Gvern mhuwiex qiegħed imexxi sew! Il-kritika hija meħtieġa imma trid tkun kostruttiva, intelliġenti u meqjusa b’kuntest ta’ proposti.

Naħdmu flimkien


Hemm diversi affarijiet li wieħed jista’ jgħid imma hemm il-limitazzjoni tal-kitba. Nagħlaq billi mhux biss nifraħ lil dawk il-kandidati li ġew eletti imma anke nirringrazzja lil sħabi l-kandidati l-oħra tal-ħbiberija u l-ħidma tagħhom. Ejjew naħdmu flimkien biex verament dan ikun l-aħjar żmien!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 18 ta' Ġunju, 2017)

BACK
bottom of page