top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fis-soċjetà. Il-mistoqsija fundamentali hija: jista’ l-Istat iġib lura l-ġustizzja billi jieħu ħajja umana oħra? Għandu l-Istat ibiddel il-ġustizzja f’vendetta?

14/10/26

When will Malta experience its own Bastille moment?

When will Malta experience its own Bastille moment?

When reform is no longer enough, our political system must change, writes Albert Buttigieg. What it needs is a fundamental rethinking – and rewriting – of the entire system of government.

01/10/26

Ċittadini attivi

Ċittadini attivi

Il-President Amerikan John F. Kennedy kien qal espressjoni li fiha ħafna x’togħmod: “Tistaqsix x’jista’ jagħmel l-Istat għalik, imma x’lest tagħmel inti għall-Istat.” Hija espressjoni li tikxef ir-responsabbiltà li għandu kull ċittadin lejn pajjiżu.

01/10/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Nirnexxu lkoll flimkien

Sep 11, 2016
3 min read

Simon Busuttil dejjem wera biċ-ċar li huwa persuna ta' integrità u onestà kbira… id-determinazzjoni tiegħu hija ta' eżempju għalina lkoll.



It-tema magħżula għal din is-sena mill-Partit Nazzjonalista biex titfakkar il-kisba tal-Indipendenza hija ‘Nirnexxu lkoll flimkien’. Huwa slogan li juri verità kbira. Jikxef li meta naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed, nistgħu nirnexxu. Għalija personali l-aktar kelma importanti f’dan is-slogan magħżul hija ‘flimkien’.

‘Flimkien ma’ min?’, wieħed jista’jistaqsi.

Flimkien ma’ Simon Busuttil


Simon Busuttil huwa l-Kap tal-PN. Miegħu rridu niġbdu l-istess ħabel. Miegħu rridu nwasslu l-messaġġ li l-PN huwa gvern alternattiv. Id-dedikazzjoni u l-impenn tiegħu lejn il-Partit u lejn pajjiżu huma eżempju ċar ta’ persuna li temmen verament f’dak li qiegħda tgħid u tagħmel. Il-ħidma tiegħu mhix faċli. Kull meta kelli l-opportunità niltaqa’ miegħu, Simon Busuttil dejjem wera biċ-ċar li huwa persuna ta’ integrità u onestà kbira. Għalija, huwa persuna b’missjoni kbira u diffiċli. Mhux faċli li l-Partit jerġa’ jqum fuq saqajh u jerġa’ jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza. Imma Simon huwa determinat. Id-determinazzjoni tiegħu hija ta’ eżempju għalina lkoll.

Kien ikun aktar faċli għalih kieku baqa’ fil-kariga li kellu qabel. Imma Simon Busuttil ma ħasibx għalih innifsu. Daħal għal din l-isfida kbira b’ruħu u b’ġismu. Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb li napprezzaw dan u noffru l-appoġġ tagħna.

Nagħmlu tajjeb ukoll jekk niftakru li Simon Busuttil mhuwiex Lawrence Gonzi, kif Lawrence Gonzi ma kienx lanqas Eddie Fenech Adami. Simon Busuttil huwa Simon Busuttil. Għandu karattru, kapaċitajiet u limitazzjonijiet tiegħu bħal kull persuna oħra. Ikun żball jekk wieħed joqgħod iqabbel il-karattru u l-personalità ma’ ta’ oħrajn.

Min-naħa l-oħra nemmen li jkun żball akbar jekk norbtu l-partit mal-persuna tal-kap, huwa min huwa. Il-partit huwa akbar mill-mexxej tiegħu. Il-partit jiġi qabel kull mexxej. Dan huwa bil-kontra tal-Partit Laburista fejn donnu hemm il-kult tal-personalità. Fi ħdan il-Partit Laburista, il-Mexxej huwa kważi aqwa mill-Partit stess.

Flimkien mad-deputati, il-kandidati u l-attivisti


Waħda mir-raġunijiet tat-telfa li kellu l-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienet l-fatt li mhux biss kien hemm nuqqas ta’ għaqda fostna, imma wkoll nuqqas ta’ teamwork. Għalkemm issistema elettorali tagħna tpoġġi lill-kandidati f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin, u fil-verità hemm numru kemm jistgħu jitilgħu, huwa fl-interess ta’ kulħadd li naħdmu bħala tim.

Li wieħed jaħdem f’tim mhix faċli. Għalkemm min jaħdem f’tim għandu jkollu viżjoni u għan wieħed, dan ma jfissirx li kulħadd jaħsibha l-istess. U hawn hija l-akbar problema. Tim veru huwa dak li jagħti l-ispazju kollu meħtieġ biex ikun hemm diskussjoni sħiħa u aperta.

Iċ-ċittadini huma għatxana għall-għaqda u mhux għall-firda. Filwaqt li nifhem li d-deputati u l-kandidati jinsabu f’kompetizzjoni flimkien, ejjew nagħmlu din il-kompetizzjoni f’ambjent ta’ ħbiberija. Ikun ta’ ħsara għall-Partit u għalina stess meta naħsbu biss fl-ambizzjonijiet egoistiċi tagħna. Tajjeb niftakru li kull partit politiku jew entità tista’ tiġġedded maż-żmien jekk ikun hemm ‘demm ġdid’. Għaldaqstant, ħadd ma għandu jipprova jagħmel bsaten fir-roti lil ħadd. Ikun żball akbar meta ndawru l-kumitati tal-każini jew strutturi interni oħra tal-partit f’xi tip ta’ territorju personali ta’ xi deputat jew kandidat.

Flimkien mas-soċjetà ċivili


Diversi ċittadini ma jħossuhomx komdi li jkunu membri f’partit politiku. Għalkemm dawn mhumiex fi ħdan partit politiku, xorta għandhom sens qawwi ta’ responsabbiltà ċivili. Flaħħar snin kienu diversi ċ-ċittadini li ħassew li jagħtu sehemhom. Dan seħħ b’mod partikulari fuq temi ambjentali. Waqt li mhumiex membri ta’ xi partit, xorta jridu jsemmgħu leħinhom. Il-każ tal-Ponta taż-Żonqor, l-iżvilupp ta’ torrijiet f’Tas-Sliema, l-iżvilupp ta’ Wied Għomor fil-limiti ta’ San Ġwann, San Ġiljan u s-Swieqi, huma eżempju ta’ kif iċ-ċittadini qegħdin ikunu attivi.

Jagħmel tajjeb il-PN li joħloq alleanzi mas-soċjetà ċivili. Huwa importanti li l-PN jagħti l-appoġġ u l-ispazju meħtieġ lil dawn iċ-ċittadini attivi biex flimkien inwasslu l-vuċi tagħna. Ikun żball għall-PN jekk jinqata’ għalih waħdu. U jkun żball ieħor jekk nibqgħu mwaħħlin emozzjonalment ma’ xi kwistjoni tal-passat. Huwa importanti li flimkien immorru lil hinn minn dan. Huwa importanti li ngħaqqdu l-forzi u r-riżorsi tagħna. Flimkien nistgħu nirnexxu. Ejjew ma naqgħux f’dak li kien jgħid Napuljun meta kien jgħid: ‘Ifred u tirbaħ’.

Fil-jiem li ġejjin se jkun hemm diversi attivitajiet organizzati biex infakkru din il-ġrajja storika. Filwaqt li nħeġġeġ lil ħafna biex jattendu, b’mod partikulari għall-mass meeting ta’ kull sena, nagħmlu tajjeb li nemmnu li verament flimkien nirnexxu lkoll.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 11 ta' Settembru, 2016)

BACK
bottom of page