top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Enabling the politics of bullying?

Enabling the politics of bullying?

US President Donald Trump is a bully who threatens world peace and global stability, and the world must stand up to him. Using Trump’s logic, Putin was justified in invading Ukraine. Credit: History in HD / Unsplash Acting like a bully in a schoolyard is something most of us can sadly recall from experience. When a bully is not challenged but excused or ignored, the abuse does not stop. On the contrary, the bully grows bolder, targets more people and pushes boundaries further. Regrettably, US...

25/01/26

The importance of peace builders

The importance of peace builders

We too often take our democratic stability, the rule of law, social justice and social cohesion, long considered pillars of lasting peace, for granted. Sadly, discourse on social media has grown increasingly harsh, normalising insults, resentment and misinformation. Credit: Shutterstock.com At the start of 2026, peace feels more urgent, and more fragile, than ever. From the devastating scenes in Ukraine to the genocide in Gaza, to conflicts in Sudan and numerous others that failed to make the...

15/01/26

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi ta’ l-għola kwalità.

12/01/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Politika ta' ħniena

  • manuelschembri
  • Dec 20, 2015
  • 3 min read

Hija inġustizzja kbira meta huma l-ftit dawk li jimxu 'l quddiem waqt li l-ħafna jibqgħu lura.



Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Papa Franġisku nieda sena ta’ ħniena. Matul din is-sena, il-Papa Franġisku qiegħed jistieden lill-Insara biex ikunu f’ħajjithom mera u ambaxxaturi tal-ħniena ta’ Alla, li huwa għani fil-ħniena tiegħu magħna. Min huwa midħla ta’ Alla, żgur ġarrab u jġarrab din l-esperjenza qawwija ta’ dan il-Missier.

Imma l-istedina tal-Papa Franġisku tmur lil hinn mill-konfini tad-diskors reliġjuż. Hija stedina indirizzata mhux biss lil dawk li huma Kattoliċi. Hija messaġġ qawwi li ma għandux jingħalaq fost l-ambjenti Kristjani. Għaldaqstant, nemmen bis-sħiħ li dan il-messaġġ huwa messaġġ qawwi għal dawk kollha ta’ rieda tajba.

Messaġġ lil dawk il-politiċi li daħlu fil-politika bl-għan wieħed u ewlieni li jibnu soċjetà aħjar, aktar inklużiva u aktar umana. Huwa messaġġ li jfakkarna li s-sens tal-ħniena huwa valur fundamentali. Lil hinn mid-diskors u t-tifsira reliġjuża, il-valur tal-ħniena huwa wieħed mill-pedamenti taċ-ċiviltà umana. Mingħajr sens ta’ ħniena lejna nfusna u lejn xulxin, is-soċjetà tieqaf milli tkun umana. Mingħajr ħniena, is-soċjetà tispiċċa titlef is-sens uman tagħha. Mingħajr ħniena, is-soċjetà tkun ‘kiesħa’, jiġifieri mingħajr emozzjoni u bla qalb li tħoss. Mingħajr ħniena, is-soċjetà tieqaf taħseb fl-oħrajn u tispiċċa tħares biss lejn l-interessi personali u egoisti fejn ma jimpurtana minn ħadd u minn xejn ħlief minna nfusna. Mingħajr ilvalur tal-ħniena, is-soċjetà titmexxa mil-liġi tal-ġungla. Mingħajr ħniena, il-persuni jispiċċaw donnhom numri u robots.

Għaldaqstant, il-ħniena tfisser solidarjetà. Il-ħniena tfisser sens ta’ ġenerożità. Il-ħniena tfisser li taħseb f’ħaddieħor. Il- ħniena tfissser li tinsa lilek innifsek u l-interessi tiegħek u taħseb f’ħaddieħor. Il-ħniena tfisser li tifhem li hemm ħaddieħor li jinsab agħar minnek. Il-ħniena tfisser li jimpurtak minn dak li jinsab fit-tarf tas-soċjetà. Il-ħniena tfisser li tagħżel li tkun ġentili aktar milli persuna kattiva, kemm miegħek innifsek u ma’ ħaddieħor. Il-ħniena tfisser li min żbalja, jerġa’ jingħata opportunità oħra biex iqum mill-ġdid fuq riġlejh u jibda kapitlu ġdid f’ħajtu. Ħniena tfisser mogħdrija u tolleranza. Min-naħa l-oħra, il-ħniena ma tfissrix li sempliċement titħassar biss; tgħid ‘jaħasra’ u tibqa’ ma tagħmel xejn.

Il-ħniena vera tieħu azzjoni u ma tibqax indifferenti jew frisk daqs ħassa. Il-ħniena vera tasal biex tħammeġ idejha ħalli tagħti s-sehem tagħha. Dan ifisser li l-ħniena tfisser ukoll il- ħarsien tal-ġustizzja soċjali. Għalkemm kull pesuna għandha ta’ kuljum tagħti s-sehem tagħha biex il-valur ta’ ħniena jkun preżenti fostna, dan kollu jista’ jseħħ meta nagħżlu li jkollna politika ta’ ħniena. Il-politika ta’ ħniena hija politika li toħloq strutturi, skemi, inizjattivi u liġijiet fejn il-ħniena hija murija fit-tmexxija ta’ pajjiżna. Il-politika ta’ ħniena hija mibnija fuq prinċipju ewlieni fejn il-persuna hija fiċ-ċentru tal-ħsieb politiku kollu. Is-soċjetà turi l-kwalità taċ-ċiviltà tagħha meta tħaddem politika b’kuxjenza soċjali. Politika soċjali ġusta tfisser meta lpersuna ma tkunx għas-servizz tal-ekonomija u l-profitt imma hija l-ekonomija u l-profitt li huma għas-servizz tal-persuna. Soċjetà li ma tiħux ħsieb persuni vulnerabbli u mwarrba, hija soċjetà li tilfet il-ġewwieni tagħha.

Dan huwa l-qofol tad-Dokument li tħabbar dan l-aħħar mill-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Ekonomija għan-nies’. Huwa dokument li minnu toħroġ l-identità mġedda tal-Partit li jerġa’ jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru. Meta l-persuna hija fiċ-ċentru u l-għan ta’ kull ħidma politika, allura l-valur tal-ħniena huwa muri wkoll. Il-politika ta’ ħniena għandha wkoll sens qawwi ta’ solidarjetà. Wieħed mill-għanijiet tal-politika huwa li twassal lill-politiċi biex ikunu aġenti ta’ solidarjetà għal dawk li fis-soċjetà waqgħu lura jew huma mgħobbijin bil-piż tal-ħajja.

Għalkemm sfortunatament dejjem se jibqa’ jkun hawn persuni li, għal raġuni jew oħra, se jaqgħu lura u xi wħud minnhom għandhom ‘faqar strutturali’, imma l-politika tal-ħniena trid toffri mhux biss il-‘ħuta’ imma anke l-‘qasba’. Is-solidarjetà tilħaq verament il-milja tagħha meta toffri l-kapaċità li wieħed iqum verament fuq riġlejh – dak li bl-Ingliż jissejjaħ empowerment. Il-politiċi ma jistgħux ‘jużaw’ lill-persuni vulnerabbli biex jidhru huma ġenerużi! Il-politiċi ma jistgħux iżommu l-batut lura biex b’hekk dan jibqa’ jiddependi fuqhom. Il-ħniena mhijiex li titħassar, imma dmir. Il-ħniena mhijiex klijenteliżmu, imma dinjità. Il-ħniena vera tagħti d-dinjità u mhux twassal għal dipendenza. Imma biex iseħħ dan kollu hemm bżonn li l-istrutturi ta’ tmexxija jkunu b’tali mod li kulħadd jingħata l-opportunità li jimxi ’l quddiem.

Hija inġustizzja kbira meta huma l-ftit dawk li jimxu ’l quddiem waqt li l-ħafna jibqgħu lura. Għaldaqstant, il-governanza tajba hija fundamentali biex ikollna politika ta’ ħniena. Proprju dan huwa wieħed mill-punti li joħroġ mid-dokument l-ieħor li l-Partit Nazzjonalista nieda bit-tema ‘Nibnu fiduċja ġdida fil-politika’. Mingħajr governanza u tmexxija tajba, m’hemmx ġustizzja soċjali imma hemm biss tħaddim tal-liġi tal-ġungla. Filwaqt li nixtieq nawgura l-Milied u s-Sena t-Tajba lill-qarrejja kollha u lill-familji tagħhom, jalla matul din is-sena l-ġdida nkunu lkoll aġenti tal-ħniena.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 20 ta' Diċembru, 2015)

BACK
bottom of page