top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
I uphold the politics of values

I uphold the politics of values

Politics is about upholding the common good and empowering people, especially the most vulnerable, to go through their life journey with dignity, writes Albert Buttigieg. Labour’s environmental track record is abysmal.

17/05/26

The right to sleep

The right to sleep

Malta is a vibrant Mediterranean island fiercely proud of its roots, traditions and culture. However, an increasing number of residents are frustrated by excessive commercial noise. Such noise is not only disturbing their daily lives and their well-being but is undermining their right to a decent night’s sleep, which is one’s fundamental right.

07/05/26

PN raises concerns over childcare standards, urges investment

PN raises concerns over childcare standards, urges investment

MP Albert Buttigieg suggests parents should get paid to keep children at home instead of childcare. The number of childcare centres has increased sharply.

01/04/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Qis li taqdini!

  • Jul 5, 2015
  • 2 min read

Il-politiku jiżbalja bil-kbir meta jwiegħed ħafna u biex jaqdi lil dak jew lill-ieħor, jispiċċa jbati ċittadin ieħor – preferenzi li jwasslu għal inġustizzji, tixħim u anke korruzzjoni.



Matul diversi żjarat li għamilt fil-preparazzjoni għall-elezzjonijiet lokali u issa li ġejt elett bħala Kunsillier, l-espressjoni ‘qis li taqdini’, smajtha diversi drabi. Ċert li sħabi l-kandidati u l-kunsillieri semmgħuha bħali!

Iċ-ċittadini jridu li jinqdew f’dak kollu li jkollhom bżonn. Il-lista tal-talbiet hija twila. Il-mentalità tal-klijenteliżmu hija qawwija fostna, b’għeruq fondi u bi storja twila. F’isem il-klijenteliżmu nkitbu diversi kapitli ta’ ġrajjiet skomdi għaż-żewġ naħat tal-Kamra! Tassew li l-klijenteliżmu huwa parti mill-kultura tagħna. Donnu aħna hekk imdorrijin nagħmlu l-politika. Il-mentalità hija tant b’għeruq fondi fostna li jekk kandidat irid jitla’, allura jrid jaqdi – ‘ara qis li taqdini u naħseb fik!’ Dan iwassal biex diversi residenti jispiċċaw qishom tallaba fil-kju twil quddiem xi uffiċċju ta’ xi kandidat bit-tama li jinqdew! Min-naħa l-oħra, partit fil-Gvern jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni skont kemm irnexxielu jaqdi lill-‘ħbieb tal-ħbieb’, ‘iroxx il-bżar’ u jagħmel dak li bl-Ingliż jissejjaħ incumbency tal-poter. Min-naħa l-oħra, partit fl-Oppożizzjoni jkollu t-tentazzjoni kbira biex iwiegħed kollox liċ-ċittadini jew għaqdiet ta’ interess. Jispiċċa jwiegħed li se jaqdihom millkoxxa meta jkun fil-Gvern... bil-periklu li ‘jbigħ ruħu’ u jispiċċa ostaġġ tal-istess wegħdi li jkun għamel qabel! Il-ġrajjiet li qegħdin nisimgħu u l-aħbarijiet li ħaduna fil-passat juru dan biċ-ċar!

Fir-realtà, il-politika hija maħsuba biex tkun għas-servizz taċ-ċittadin. Il-politiku jkun daħal għal din il-ħidma biex ikun ta’ servizz. Dan huwa l-għan aħħari. F’dan il-kuntest allura nistgħu ngħidu li l-klijenteliżmu huwa tajjeb fih innifsu imma bħal kull ħaġa oħra, hemm klijenteliżmu tajjeb u hemm dak ħażin.

Klijenteliżmu tajjeb: meta l-politiku jgħin lir-resident jasal biex jieħu dak is-servizz li ħaqqu u jinqeda. Insibu residenti li minħabba l-età, in-nuqqas ta’ edukazzjoni jew informazzjoni, għandhom bżonn l-għajnuna u d-direzzjoni. Il-klijenteliżmu tajjeb jgħin lir-resident jirċievi kull servizz li jiġi offrut u li wieħed huwa eliġibbli għalih. Dan għandu jingħata bid-dritt. Kull ċittadin għandu jinqeda tajjeb, fil-ħin u b’dinjit.. Xejn aktar. Xejn inqas.

Klijenteliżmu ħażin: meta ċ-ċittadin jagħmel talba jew talbiet li mhumiex ġusti jew li ma għandux dritt għalihom! Klijenteliżmu ħażin huwa meta t-talba tmur kontra l-policies u l-proċeduri. Il-politiku jiżbalja bil-kbir meta jwiegħed ħafna u biex jaqdi lil dak jew lill-ieħor, jispiċċa jbati ċittadin ieħor – preferenzi li jwasslu għal inġustizzji, tixħim u anke korruzzjoni. Klijenteliżmu huwa ħażin meta jkun rikattat bil-voti – ‘aħseb fija biex naħseb fik!’

B’hekk titkompla l-mentalità li biex tieħu xi ħaġa, trid tkellem lil xi ħadd. Mhux kemm taf, imma lil min taf! Din il-mentalità tmur kontra t-tmexxija trasparenti u kontabbli u hija ta’ periklu għat-tmexxija sewwa. B’din il-mentalità, il-Parit Laburista rebaħ bil-kbir l-elezzjoni ġenerali. Għalkemm dan il-klijenteliżmu jgħin lil partit jitla’, hekk ukoll se jkun fil-futur il-kawża tal-waqgħa tiegħu.

Għalhekk nemmen li kull politiku jrid jaħdem biex minflok joqgħod jipprova ‘jaqdi’, jistinka qatigħ biex jara li l-istrutturi u s-sistemi fil-livelli kollha tat-tmexxija, qegħdin jaħdmu sew u ma jħarsu lejn wiċċ u kulur ħadd! Ejjew mela naqdu liċ-ċittadini jirċievu sew is-servizzi kollha. Ejjew ma nibżgħux ngħidulhom il-verità, jekk dak li qegħdin jitolbu ma jistax jingħata jew ma għandhomx dritt għalih. Din tissejjaħ politika onesta.

Iċ-ċittadini jippreferu li wieħed ikun onest magħhom aktar millijoqgħod jimlielhom moħħhom b’wegħdi fiergħa li se jinqdew!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 5 ta' Lulju, 2015)

BACK
bottom of page