top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Are we now a neurotic nation?

Are we now a neurotic nation?

While the Labour government frequently highlights our resilient economy, many people are left wondering: at what cost? People are constantly on edge and ready to flare up. Credit: Shutterstock.com Although Malta is thriving economically, a closer look reveals growing signs of social strain, signs that are not only becoming increasingly visible but are also leaving lasting marks on the daily lives of many. It seems that more people are constantly on edge, irritable and ready to flare up at the...

16/12/25

It-tfal kollha kollha tagħna!

It-tfal kollha kollha tagħna!

Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm għandna l-istess dinjità umana. Issa, din id-dinjità ma tiddependix mill-abilitajiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Credit: Rawpixel / envato.com Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddiehor li għandu idejn, jisma’ u jara....

06/12/25

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista nieda proposta li jkun hemm fond għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irripettivament mill-familja tiegħu. Jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

25/11/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Rajt Malta Tinbidel

  • manuelschembri
  • Oct 21, 2017
  • 3 min read

Il-qtil makabru ta' Daphne Caruana Galizia twettaq f'kultura ta' xejn mhux xejn.


ree

Dan huwa l-isem ta’ sensiela ta’ kotba miktuba mill-mibki Herbert Ganado. Għal min forsi ma jafx, Ganado kien politiku li fiż-żmien il-gwerra kien ġie internat mill-Ingliżi fl-Uganda. Meta huwa reġa’ lura wara snin fl-eżilju, Ganado ra Malta ferm differenti. Ganado seta’ jinnota t-tajjeb li kien sar imma anke l-ħażin.

Anke jien rajt Malta tinbidel. Fi 53 sena rajt ħafna affarijiet jinbidlu. Matul it-tfulija u ż-żgħożija tiegħi konna ngħixu fiż-żmien meta Mintoff kien jiggverna b’mentalità Soċjalista, magħluqa u aggressiva. Matul dawn iż-żminijiet għalkemm nistqarr li Mintoff wettaq ukoll affarijiet ta’ ġid għas-soċjetà, kienu żminijiet koroh.

Min għandu żmien daqsi jew aktar minni lkoll niftakru l-klima tqila li kellna. Ilkoll niftakru meta kulħadd kien imbeżża’ u wieħed ma setax juri fehmtu fil-beraħ. Ilkoll niftakru l-aggressività Soċjalista, is-swat, it-transfers, il-ġlied mal-għalliema, mat-tobba, mal-Knisja. Ilkoll niftakru l-qtil ta’ Raymond Caruana. Kienu tassew żminijiet tad-dlam.

U meta fl-aħħar is-sewwa rebaħ u tela’ l-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija, rajt lil Malta terġa’ tinbidel għal

soċjetà miftuħa b’direzzjoni ċara. Għalkemm matul is-snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista saru diversi żbalji, ilkoll naqblu li l-pajjiż għamel passi ta’ ġgant ’il quddiem f’diversi oqsma. Ilkoll naqblu li Malta nbidlet mil-lejl għan-nhar. Ilkoll naqblu li għaliex kellna mexxejja b’vokazzjoni politika ġenwina, Malta ħadet ir-ruħ. Malta għaddiet minn rivoluzzjoni sħiħa imma siekta. Kulħadd seta’ jgħix fil-kwiet. Kulħadd ingħata ċans li jekk irid jista’ jimxi ’l quddiem. Permezz ta’ investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva, il-ġenerazzjoni żagħżugħa laħqet l-aspirazzjonijiet tagħha. Il-milja ta’ din ir-rivoluzzjoni kienet meta Malta ssieħbet fil- Komunità Ewropea.

Fl-2013, Joseph Muscat kien wiegħed b’mod l-aktar solenni li huwa kien se jagħmel bidla akbar f’pajjiżna.

Għalkemm matul dawn l-erba’ snin, il-Gvern Laburista verament għamel passi ’l quddiem f’diversi oqsma u anke kompla jsaħħaħ u jibni fuq dak li kien hemm, inħoss li l- Gvern Laburista wettaq l-akbar bidla fil-ħażin li qiegħda tħalli frott ikrah fostna.

Fl-aħħar erba’ snin, il-Gvern Laburista ħajjar il-kultura ta’ xejn mhu xejn, li kollox jgħaddi, li kollox għandu prezz li jista’ jinxtara. F’dawn is-snin wettaq politika li dawk li huma viċin tiegħu tawhom li riedu u ħadd ma jista’ għalihom. Joseph Muscat wettaq politika fejn nawwar l-istituzzjonijiet fundamentali tagħna, tant li l-Prim Imħallef kellu juża kliem iebes li ma jistax ikun li pajjiżna ma jkunx immexxi mis-saltna tal-liġi u l-ġustizzja. Tkellem bl-aktar mod ċar li pajjiżna ma jistax ikun jispiċċa ġungla, fejn min huwa ‘b’saħħtu’ jista’ jagħmel li jrid!

Il-qtil makabru ta’ Daphne Caruna Galizia twettaq f’kultura ta’ xejn mhux xejn. Il-qtil ta’ Daphne huwa eżempju ċar ta’ meta pajjiżna jitlef il-fibra morali tiegħu. Għal diversi snin u anke fl-aħħar ġimgħat sfortunatament kienu diversi, anke minn fostna, li għażlu li lil Daphne jattakkawha għax kellha l-kuraġġ li titkellem. Diversi kellhom il-hashtag ‘Barra’. Issa, veru tinsab barra! Huwa minnu li forsi wieħed mhux dejjem qabel mal-istil u mal-kontenut, imma żgur li dan ma jiġġustifikax dan l-att terroristiku. Nemmen li dan il-qtil barbaru huwa eżempju ta’ dak li sejjer ħażin f’pajjiżna. Għalkemm pajjiżna rreġistra s-surplus ekonomiku, min-naħa l-oħra qiegħed jirreġistra defiċit morali!

Il-qtil ta’ Daphne qed iwassal messaġġ li l-verit., l-onestà, is-serjetà, il-governanza tajba u ġustizzja mhux biss mhumiex apprezzati iżjed, imma huwa għajb għal min jipprova jaħdem biex toħroġ il-verità u ssaltan il-ġustizzja! Il-messaġġ huwa wieħed ċar: jekk wieħed jipprova jsus biex jiskopri l-verità u jikxef l-ingann, jispiċċa mtajjar! Huwa għalhekk li dan il-qtil qiegħed jissejjaħ qtil politiku. U kien għalhekk li l-PN qiegħed jitfa’ r-responsabbiltà politika fuq spallejn il-Gvern Laburista, għax kien il-Gvern li mhux biss ma għamel xejn biex dan id-delitt ma jseħħx, imma kien responsabbli biex ikun hawn klima u kultura ta’ impunità – li kollox jgħaddi u jgħodd.

Dan il-qtil se jkompli jbiddel lil Malta. Quddiem din issitwazzjoni gravi aħna l-Maltin nistgħu nagħżlu waħda minn żewġ toroq. Nistgħu jew ninħakmu mill-biża’, inkella nsibu l-kuraġġ u ssemmgħu leħinna.

Huma diversi dawk li quddiem din it-traġedja se jkunu qegħdin jibżgħu għal ġildhom. Jafu li jekk wieħed jitkellem se jispiċċa ħażin. Iżda jekk wieħed iħalli l-biża’ jaħkmu, allura min jixtieq jiddomina fuqna jkun rebaħ bil-kbir. Jien nagħżel li nsemma’ leħni! Jien nagħżel li ma nibżax naħdem ma’ oħrajn biex ngħixu f’soċjet. fejn is-saltna tal-ġustizzja u d-dritt ikollhom post prinċipali fil-ħajja tas-soċjetà tagħna. Jien għalhekk dħalt fil-politika u għalhekk ukoll se nikkontesta għal kariga ta’ membru tal-Eżekuttiv tal-Partit. Nemmen fil-politika tal-valuri. Nemmen fil-politika tas-sewwa u l-verità. Nemmen fil-politika li tagħti libertà sħiħa lil kull persuna biex twassal il-messaġġ tagħha mingħajr biża’ u theddid.

Jalla aħna ċ-ċittadini ta’ rieda tajba filwaqt li nitnikktu b’dan il-qtil, insibu d-determinazzjoni li nkomplu l-mixja tagħna għall-verità u s-sewwa!

F’ismi u f’isem diversi oħra nixtieq inwassal il-kondoljanzi sinċiera lill-familja kollha tagħha.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 22 ta' Ottubru, 2017)

BACK
bottom of page