top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Enabling the politics of bullying?

Enabling the politics of bullying?

US President Donald Trump is a bully who threatens world peace and global stability, and the world must stand up to him. Using Trump’s logic, Putin was justified in invading Ukraine. Credit: History in HD / Unsplash Acting like a bully in a schoolyard is something most of us can sadly recall from experience. When a bully is not challenged but excused or ignored, the abuse does not stop. On the contrary, the bully grows bolder, targets more people and pushes boundaries further. Regrettably, US...

25/01/26

The importance of peace builders

The importance of peace builders

We too often take our democratic stability, the rule of law, social justice and social cohesion, long considered pillars of lasting peace, for granted. Sadly, discourse on social media has grown increasingly harsh, normalising insults, resentment and misinformation. Credit: Shutterstock.com At the start of 2026, peace feels more urgent, and more fragile, than ever. From the devastating scenes in Ukraine to the genocide in Gaza, to conflicts in Sudan and numerous others that failed to make the...

15/01/26

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi ta’ l-għola kwalità.

12/01/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Scrooge

  • manuelschembri
  • Dec 18, 2016
  • 3 min read

Il-Milied huwa żmien sabiħ li fih aħna lkoll niftħu għajnejna u naraw kif qedgħin ngħixu. Il-Milied jista' jkun mument li jbiddel il-valuri tagħna. Huwa mument li jista' jġib il-bidla meħtieġa.



Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Matul dawn iż-żminijiet mhux biss jissemmew ir-rakkonti mill-Bibbja ta’ din il-ġrajja imma anke karattri oħra li saru marbutin ma’ dawn il-festi. Fost dawn il-karattri nsibu dak ta’ Ebenezer Scrooge. Dan Scrooge huwa biss karattru li nsibuh fil-letteratura Ingliża fil-ktieb ‘A Christmas Carol’, miktub mill-kittieb famuż Ingliż, Charles Dickens.

Dan Scrooge, għalkemm kien negozjant sinjur kbir, kien iqaxxar qamla, kif ngħidu bil-Malti. Kien xħiħ ħafna u għall-flus kien jagħmel kollox. Għalkemm Scrooge seta’ jgħix ħajja komda, tant kien xħiħ li kien jgħix f’miżerja kbira. Għalih, l-aqwa li għandu ħafna flus filbank. Għalih, ħaddieħor ma kienx jeżisti. Kien jiġi jaqa’ u jqum mill-oħrajn. Qalbu kienet tal-ġebel. Kien indifferenti għall-bżonnijiet tal-oħrajn.

Għalkemm dan il-karattru qatt ma kienx jgħix firrealtà, il-kittieb Charles Dickens ried iwassal messaġġ lin-nies ta’ żmienu li l-kilba u r-regħba għall-flus ma jwasslu mkien. Ried juri li l-flus mhumiex kollox fil-ħajja. Ried juri li hemm valuri oħrajn aktar importanti mill-kilba għall-flus.

Nemmen li dan il-messaġġ jgħodd għalina li qegħdin ngħixu f’dawn iż-żminijiet. Jekk inkunu sinċieri u nħarsu sew madwarna nsibu li hawn diversi minna li huma bħal Scrooge, huma qammelin għall-oħrajn. Għalkemm fil-lingwaġġ tagħna għandna wkoll din l-espressjoni, ‘kemm int qammiel bħal Scrooge’, fir-realtà niltaqgħu ma’ diversi li huma hekk.

Qegħdin ngħixu f’soċjetà materjalista għall-aħħar. Soċjetà li aktar ma jmur, aktar twassal il-messaġġ li l-flus huma kollox fil-ħajja. Għalkemm huma importanti u mingħajrhom ma nistgħux ngħixu f’ċertu livell ta’ kwalità ta’ ħajja, tajjeb li niftakru li l-flus għandhom ikunu f’kuntest aktar wiesa’ ta’ valuri, bħall-onestà, is-solidarjetà, il-ġid komuni u valuri etiċi oħrajn. Tajjeb li niftakru li l-flus ma jistgħux jixtru jew jakkwistaw kollox. Hemm ħwejjeġ li huma mingħajr prezz. Fil-fatt, bil-flus wieħed jista’ jixtri villa kbira imma ma jistax jixtri familja. Bil-flus wieħed jista’ jixtri ħafna ħwejjeġ imma ma jistax jixtri d-dinjità umana. Bil-flus wieħed jista’ jixtri s-sess imma mhux l-imħabba. Bil-flus wieħed jista’ jirbaħ il-poter imma mhux ir-rispett!

Meta wieħed ikun bħal Scrooge, jitlef kull sens ta’ sbuħija tal-ħajja, jibda jara kollox skont kemm jiswa u jispiċċa jagħlaq qalbu għall-oħrajn. Dan jista’ jseħħ mhux biss fuq livell personali imma anke fuq livell politiku. Meta l-politika tkun tal-ftit għall-ftit, allura l-politika ssir ukoll politika ta’ Scrooge. Dan jiġri meta l-politika minflok tfittex il-ġid komuni u li tibni soċjetà fuq il-valuri tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali, tispiċċa tkun poltika ta’ kilba sfrenata fejn wieħed moħħu biss f’kif jista’ jsir sinjur hu u jiġi jaqa’ jqum minn ħaddieħor. Għal żewġ eżempji ta’ xi tfisser politika ta’ Scrooge, wieħed jista’ jsemmi l-proposta tal-masterplan f’Paceville u l-mewt traġika ta’ persuna mis-Somalja li mietet waħedha taħt pont.

Fl-ewwel eżempju, il-masterplan huwa eżempju klassiku ta’ egoiżmu sfrenat fejn min qiegħed jagħmel il-proposti ta’ bini u torrijiet, qiegħed jiġi jaqa’ u jqum mill-ġid komuni u mill-interessi ta’ ħafna. L-aqwa li se jkompli jagħmel profitt. Ma jimpurtahx jekk diversi residenti se jbatu.

Fit-tieni eżempju nsibu raġel li miet taħt pont fil-Marsa minħabba l-bard! Issa lkoll nafu li f’Malta ma tagħmilx xi kesħa bħal ta’ barra imma dan ir-raġel spiċċa tilef ħajtu minħabba l-bard! Din hija l-indifferenza tal-istuzzjonijiet tagħna li jsiru bħal Scrooge. Ma jinteressahomx! Il-mewt tiegħu tikxef ukoll li ftit kienu dawk li ħaduha bi kbira li miet. Forsi għax huwa Somalu u mhux Malti? Jekk dan huwa minnu, allura dan jgħid ħafna fuqna u fuq il-valuri tagħna!

L-istorja ta’ Scrooge fir-realtà mhix storja ta’ niket imma ta’ tama. Dan għaliex fil-lejl tal-Milied, wara żjara minn tliet fantażmi, Scrooge jiftaħ għajnejh u jinduna bl-iżball tiegħu.

Il-Milied huwa żmien sabiħ li fih aħna lkoll niftħu għajnejna u naraw kif qegħdin ngħixu. Il-Milied jista’ jkun mument li jbiddel il-valuri tagħna. Huwa mument li jista’ jġib il-bidla meħtieġa. Jalla matul dawn il-ġranet mhux biss insibu ħin biex niftħu r-rigali li se naqilgħu, imma jkollna opportunità niftħu qalbna għal xulxin. Jalla nagħmlu l-esperjenza ta’ Scrooge.

Nieħu din l-opportunità biex nagħti l-awguri tiegħi għal Milied hieni lil kulħadd. B’mod partikulari nixtieq inselli għall-anzjani, il-morda, dawk li jinsabu waħedhom jew ġarrbu xi telfa matul din is-sena. Kuraġġ!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 18 ta' Diċembru, 2016)

BACK
bottom of page