top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Serħan il-moħħ

  • Oct 9, 2016
  • 3 min read

Mhux ġust li filwaqt li l-Gvern Laburista jiftaħar li l-ekonomija sejra tajjeb u jsib eluf ta' ewro għall-ħbieb tiegħu, l-ekonomija tal-anzjani sejra ħażin.



Kienu madwar tliet snin ilu meta Simon Busuttil talabna nerġgħu nemmnu fina nfusna. Simon Busuttil ħeġġiġna biex nerġgħu niskopru l-għeruq tagħna. Stedinna biex nerġgħu nsiru partit tan-nies.

Ilkoll nafu li waħda mir-raġunijiet għat-telfa li kellna kienet li filwaqt li bħala Partit konna naħdmu għall-ġid ta’ Malta, fil-ħeġġa tagħna, insejna nkunu viċin il-Maltin! Fil-qosor, Simon Busuttil talabna biex il-Partit ikun partit tan-nies.

Xi jfisser li partit politiku ikun partit tan-nies?


Ifisser li l-PN għandu bżonn jerġa’ jiskopri l-valur li jħoss il-polz taċ-ċittadini, li jkun b’saqajh mal-art u jaf minn xiex għaddejjin iċ-ċittadini tal-pajjiż. Partit tan-nies ifisser li jkun spalla ma’ spalla ma’ dawk kollha li għaddejjin minn mumenti diffiċli. Ifisser li l-partit ikun vuċi u tarka għal dawk li huma dgħajfa fis-soċjetà. Ifisser ukoll li wieħed għandu japprezza u jinkoraġġixxi l-aspirazzjonijiet kollha taċ-ċittadini. Fil-qosor, partit tan-nies ifisser li l-PN għandu jkollu qalbu

tħabbat għan-nies u man-nies.

B’din il-viżjoni u b’determinazzjoni sħiħa, tul dawn it-tliet snin, il-PN reġa’ qam fuq saqajh. Il-PN reġa’ resaq lejn iċ-ċittadini kollha. Matul dawn it-tliet snin ta’ skandli mill-Gvern, il-PN esprima s-sentimenti tal-maġġoranza taċ-ċittadini li jinsabu urtati bl-iskandli. Għal darba oħra, il-PN reġa’ beda jemmen fin-nies. Għalhekk li n-nies ġejjin lura lejn il-Partit!


Il-PN, bis-saħħa tal-ħidma siewja ta’ Simon Busuttil u t-tim kollu tiegħu, qiegħed iwassal diversi miżuri li qegħdin iħossu diversi ċittadini tagħna. Fosthom hemm miżuri għall-anzjani.

Dawn huma:

  • Gvern ġdid Nazzjonalista jgħolli l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar.

  • Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi t-taxxa tad-dħul minn fuq il-pensjoni.

  • Gvern ġdid Nazzjonalista jirrevedi t-taxxa li jħallsu l-anzjani fuq dividends li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares.

  • Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-mediċini kollha lill-anzjani b’xejn.

  • Gvern ġdid Nazzjonalista jreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u jbaxxi għal li kienet il-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali.

  • Gvern ġdid Nazzjonalista jżid is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat.

L-għan aħħari wara dawn il-miżuri kollha mhuwiex il-fatt li diversi anzjani tagħna mhumiex qegħdin iwasslu sal-aħħar tax-xahar. Mhuwiex lanqas għaliex ’il fuq minn 5,500 anzjan/a jinsabu fir-riskju tal-faqar, kif tħabbar mill-NSO. Tajjeb li nsemmu r-rapport tal-Caritas li jgħid li matul dawn it-tliet snin l-ispiża tal-ikel biss żdiedet bi 18%. Dawn il-miżuri kollha għandhom l-għan li jagħtu lill-anzjani serħan il-moħħ u joffru apprezzament, rispett u dinjità lilhom f’din il-fażi tal-ħajja tagħhom.

Mhux ġust li filwaqt li l-Gvern Laburista jiftaħar li l-ekonomija sejra tajjeb u jsib eluf ta’ ewro għall-ħbieb tiegħu, l-ekonomija tal-anzjani sejra ħażin. Issa li dalwaqt jasal il- Baġit, il-Gvern Laburista żgur li se jitfa’ l-bżar fl-għajnejn biex forsi ‘jagħmi’ lill-anzjani. Imma l-anzjani tagħna jafu min qiegħed igawdi l-eluf ta’ ewro f’pagi u benefiċċji waqt li huma qegħdin jieħdu l-loqom.

Il-PN dejjem ħadem biex l-anzjani jgħixu b’dinjità sħiħa. Tul id-diversi snin fit-tmexxija, il-PN daħħal diversi għajnuniet fil-komunità, bħal Home Help u Meals On Wheals biex jgħin lill-anzjani jibqgħu fil-komunità. Il-gvernijiet Nazzjonalisti daħħlu wkoll skemi finanzjarji, biżżejjed insemmu li wieħed seta’ jkompli jaħdem u jibqa’ jirċievi lpensjoni, inkella l-għotja ta’ flus f’ċerti etajiet. Il-gvernijiet Nazzjonalisti bnew ukoll diversi djar u night shelters għal dawk l-anzjani li għandhom bżonn aktar attenzjoni.

Dawn il-miżuri kollha mħabbra jikxfu li l-PN jemmen f’politika mhux tal-ftit għall-ftit, imma politika għall-ħafna. Il-PN irid ikompli miexi f’din it-triq fejn huwa jwassal proposti ispirati mill-bżonnijiet taċ-ċittadini. Għalkemm id-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas drastikament, xorta jibqa’ lfatt li hemm bżonn inkomplu naħdmu flimkien biex naraw li l-poplu jerġa’ jkollu fiduċja fil-PN.

Il-PN ma għandu l-ebda dritt ‘divin’ biex imexxi lill-pajjiż. Dan id-dritt irid jakkwistah. Wieħed mill-modi kif din il-fiduċja tista’ tinkiseb mill-ġdid huwa li mhux biss inkomplu nixkfu l-maskri tal-Gvern Laburista, imma nkomplu nagħmlu politika li tagħti serħan il-moħħ liċ-ċittadini kollha tagħna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 9 ta' Ottubru, 2016)

BACK
bottom of page