top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Enabling the politics of bullying?

Enabling the politics of bullying?

US President Donald Trump is a bully who threatens world peace and global stability, and the world must stand up to him. Using Trump’s logic, Putin was justified in invading Ukraine. Credit: History in HD / Unsplash Acting like a bully in a schoolyard is something most of us can sadly recall from experience. When a bully is not challenged but excused or ignored, the abuse does not stop. On the contrary, the bully grows bolder, targets more people and pushes boundaries further. Regrettably, US...

25/01/26

The importance of peace builders

The importance of peace builders

We too often take our democratic stability, the rule of law, social justice and social cohesion, long considered pillars of lasting peace, for granted. Sadly, discourse on social media has grown increasingly harsh, normalising insults, resentment and misinformation. Credit: Shutterstock.com At the start of 2026, peace feels more urgent, and more fragile, than ever. From the devastating scenes in Ukraine to the genocide in Gaza, to conflicts in Sudan and numerous others that failed to make the...

15/01/26

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi ta’ l-għola kwalità.

12/01/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Sistema żlugata

  • manuelschembri
  • Jul 10, 2021
  • 3 min read

Irridu malajr kemm jista’ jkun nibdew inrawmu soċjetà ta’ viżjonarji, ta’ nies idealisti li kapaċi jittrasformaw

l-Idea f’Realtà.



L-edukazzjoni hija aspett importanti li jiddetermina l-karatteristiċi u l-għerf li wieħed jiżviluppa. Naturalment, din tmur id f’id ma’ bosta aspetti kruċjali oħrajn fosthom il-familja u l-midja tal-massa. Iżda hu tajjeb li ndawru ħarsitna lejn l-edukazzjoni u bir-reqqa nevalwaw il-validità tas-sistema edukattiva li qiegħda tiġi pratikata fl-iskejjel tagħna fl-2021.


Ta’ spiss nisimgħu lill-istudenti jgergru li s-sistema fallietna u li qed tfallina, biss fl-istess waqt dawn l-istudenti rari jieħdu azzjoni dwar dan. Għalfejn l-istudenti, fil-parti l-kbira tagħhom, joqogħdu lura milli jippruvaw ibiddlu s-sistema? F’soċjetà demokratika, għalfejn għandhom jinkwetaw li jekk jippruvaw jieħdu dan il-pass biex ibiddlu s-sistema, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, sħabhom, u l-komunità, se jinjorawhom, jirredikolawhom, u jnaqqsulhom mill-kredibbilità tagħhom?


It-tweġiba għal dan kollu hija sempliċi: is-sistema edukattiva. Waqt li l-istudenti jkunu għadhom qed jirċievu l-edukazzjoni sekondarja, l-attiviżmu studentesk mhuwiex daqstant popolari qalb l-istudenti. Fi skejjel individwali, rari ssib studenti li, minkejja li jkunu waħedhom, ikunu lesti jieqfu lill-amminstrazzjoni tal-iskola u anke lill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jippersistu bil-kawża tagħhom, anke meta dak li jiġi mitlub jiġi injorat diversi drabi.


Wieħed jista’ josserva li l-istudenti f’livelli ogħla ta’ edukazzjoni għandhom ċans akbar li jissieltu u jaħdmu aktar sabiex iwasslu l-ideat tagħhom. Dan jidher, pereżempju, permezz tad-diversi organizzazzjonijiet studenteski li huwa mwaqqfin fi ħdan l-Università ta’ Malta. Bħal donnu dak iċ-ċertu sens ta’ indipendenza li jingħata lill-istudenti wara li jlestu l-edukazzjoni obbligatorja timliehom b’ċertu passjoni biex ikomplu jiġġieldu għal dak li jemmnu fih (sintendi, din mhijiex xi ħaġa universali li tapplika għal kull student).


Allura għalfejn dan ma jseħħx ukoll waqt l-edukazzjoni obbligatorja?


F’dan l-istadju, is-sistema donnha ma tinkoraġġix lill-istudenti biex jitgħallmu lil hinn mis-sillabu u għalhekk, dak is-sens ta’ indipendenza huwa pjuttost ristrett meta kkumparat mal-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja. Is-sistema trawwem lill-istudent biex ikun sieket, ubidjenti, u biex isegwi l-istruzzjonijiet li jingħataw minn dawk akbar minnu. Dan, ovvjament, huwa bżonjuż, diment li l-intenzjoni tibqa’ li tinżamm l-ordni u d-dixxiplina. Iżda li titfa’ individwu ta’ dik l-età f’dak l-istat psikoloġiku jaf iwasslu sabiex jibqa’ lura milli jsemma’ l-opinjonijiet tiegħu meta l-aktar li jkollna bżonnhom.


L-attiviżmu huwa importanti mmens f’demokrazija li topera kif suppost u għalhekk għandu jiġi ppratikat anke fl-iskejjel, li suppost iħejjuna għad-dinja ta’ barra. Imma dan għadu mhux qiegħed iseħħ fuq bażi nazzjonali. Dan jidher ċar fil-fatt li l-istudenti rari jiġu mistoqsija biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet rigward deċiżjonijiet li jaffettwaw lilhom u lill-edukazzjoni tagħhom. L-istudenti għandhom ikunu individwi li jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom, iżda minflok jiġu mgħallma biex jieħdu dak li jistgħu u jikkuntentaw ruħhom b’dak li għandhom.


Ta’ spiss jiġu avżati li mhumiex maturi biżżejjed biex jifhmu. Iżda suppost huwa x-xogħol tas-sistema edukattiva li trawwimhom f’individwi aktar maturi u kritiċi, le? Għalfejn ngħallmu l-matematika, l-Ingliż, il-Malti, u l-bqija biex ngħallmu lil uliedna kif għandhom jirraġunaw l-affarijiet u jikkomunikawhom, iżda mbagħad ma nħalluhomx jipprattikaw dawn il-ħiliet fl-aktar sitwazzjonijiet realistiċi importanti? Għaldaqstant, dan jixhed li s-sistema mhux dejjem jirnexxilha trawwem nies intellettwali. Anzi, fil-maġġor parti tad-drabi, tispiċċa trawwem rowbots, kreaturi bla ebda sens ta’ kreattivita, innovazzjoni, apprezzament, u ħsieb kritiku.


X’inhi s-soluzzjoni?


Agħtu ċans lill-istudenti kollha sabiex huma wkoll jiġu kkonsultati meta tkun trid tittieħed deċiżjoni fis-settur tal-edukazzjoni. Jekk infallu biex nagħmlu dan, inkunu qed nenfasizzaw il-falliment tas-sistema nnifisha. L-istudenti jesperjenzaw is-sistema direttament kuljum, u huma biss kapaċi jiddeskrivu l-isfidi u l-intoppi li verament jaffaċjaw.


Daħħlu l-edukazzjoni ċivika fl-iskejjel tagħna u rawmu t-tfal fl-arti tad-diskussjoni u d-dibattitu. Laqqgħuhom ma’ kunċetti differenti: mal-konservattiviżmu u s-soċjaliżmu, mal-Kristjaneżmu u l-Iżlam, mal-gwerer, mal-istorja, mal-arti u l-kultura, u mal-bqija. Agħtuhom l-għodod sabiex ikun votanti kritiċi li jafu biżżejjed li l-ħażen li seħħ fil-passat m’għandux jerġa’ jseħħ fil-preżent jew fil-futur, li jafu kif għandhom jivvotaw, u li jafu l-istorja ta’ pajjiżhom sabiex ikomplu jiktbuha huma.


Uruhom li r-regoli xi kultant iridu jinkisru; li jekk regola hija inġusta, għandek dritt tiksirha. Dan hu li rridu ngħallmuhom lil uliedna. Inkella l-orizzonti jsiru fruntieri, u ma jibqgħux baħar miftuħ mimli opportunitajiet għall-progress soċjali.


Il-passività m’għandniex x’nambuha. Mela għandna nibdew minn issa, qabel ikun tard wisq. Irridu malajr kemm jista’ jkun nibdew inrawmu soċjetà ta’ viżjonarji, ta’ nies idealisti li kapaċi jittrasformaw l-Idea f’Realtà.


Imma minn issa. Il-ħin qed jagħfas.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 11 ta' Lulju, 2021)

BACK
bottom of page