top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Are we now a neurotic nation?

Are we now a neurotic nation?

While the Labour government frequently highlights our resilient economy, many people are left wondering: at what cost? People are constantly on edge and ready to flare up. Credit: Shutterstock.com Although Malta is thriving economically, a closer look reveals growing signs of social strain, signs that are not only becoming increasingly visible but are also leaving lasting marks on the daily lives of many. It seems that more people are constantly on edge, irritable and ready to flare up at the...

16/12/25

It-tfal kollha kollha tagħna!

It-tfal kollha kollha tagħna!

Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm għandna l-istess dinjità umana. Issa, din id-dinjità ma tiddependix mill-abilitajiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Credit: Rawpixel / envato.com Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddiehor li għandu idejn, jisma’ u jara....

06/12/25

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista nieda proposta li jkun hemm fond għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irripettivament mill-familja tiegħu. Jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

25/11/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Skandlu agħar minn ieħor

  • manuelschembri
  • Feb 14, 2016
  • 4 min read

In-nepotiżmu mhux biss wiċċ ieħor ta' korruzzjoni imma wkoll inġustizzja soċjali.


ree

“Fl-elezzjoni li jmiss int għandek l-opportunità li ġġib il-bidla li pajjiżna jeħtieġ.” Dan mhuwiex kliemi. Lanqas mhuwa tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa l-kliem solenni ta’ Joseph Muscat. Jinsab miktub iswed fuq l-abjad fl-introduzzjoni tal-Manifest tal-Partit Laburista għall-aħħar elezzjoni.

Bl-aktar mod solenni, Joseph Muscat stqarr li se jaħdem qatigħ biex idaħħal politika ġdida. Wegħidna bidla. Diversi xtaquha. Wegħidna li se jagħmel minn Malta pajjiż onest. Wegħidna li Gvern Laburista se jmexxi bl-akbar trasparenza u kontabbiltà. Stqarr li Malta hija tagħna lkoll. Mhix ta’ xi klikka jew oħra. Skontu, kulħadd kellu post f’dan il-pajjiż. Wegħidna li wieħed jista’ ma jaqbilx miegħu imma xorta jibqa’ jaħdem mal-Gvern immexxi minnu. Joseph Muscat saħaq li l-mentalità li biex wieħed jilħaq jew jieħu xi ħaġa mill-Gvern, irid ikun jaf lil xi ħadd, se tkun xi ħaġa tal-passat. Mhux lil min taf, stqarr, imma kemm taf.

Kollu kliem sabiħ. Wieħed kif jista’ ma jaqbilx miegħu? Kienu eluf dawk li jemmnuh. Kienu eluf dawk li wrewh il-fiduċja tagħhom. Eluf ivvutaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba.

Imma dan il-kliem kien kollu kliem ta’ qabel l-elezzjoni! Wara tliet snin ta’ tmexxija minn Gvern Laburista, kull min jirraġuna jaf sew li dan il-kliem hu kollu kliem fieragħ u vojt. Wara tliet snin, huma diversi dawk li jħossuhom ingannati. Mhux biss dawk li vvutaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba qegħdin iħossuhom ingannati, imma anke Laburisti ġenwini. Diversi jħossu li l-Partit Laburista ma żammx kelmtu.

Bħalissa l-Gvern Laburista qiegħed jiftaħar bis-suċċess ekonomiku. Miegħu ningħaqdu aħna lkoll. Ilkoll nieħdu gost naraw lil Malta timxi ’l quddiem. Imma waqt li l- Gvern Laburista jipprova jnessi li dan is-suċċess hu wkoll frott ta’ ħidma Nazzjonalista, ma jistax jiftaħar fuq kif qiegħed imexxi.

Il-governanza ta’ pajjiżna hi mifnija b’sensiela ta’ stejjer ta’ korruzzjoni.

Matul dawn it-tliet snin kellna sensiela ta’ stejjer ta’ korruzzjoni, tmexxija ħażina, qerq u ingann. Agħar minn dak ta’ żmien Mintoff u Lorry Sant! Storja wara oħra. Storja aqwa minn oħra. Skandlu agħar minn ta’ qablu. U dan wara tliet snin biss?

Ma’ kull ġimgħa li tgħaddi niskopru skandlu ieħor. Inkunu qegħdin niddiskutu wieħed u wara ftit ifeġġ ieħor. Daqqa nitkellmu kif is-segretarji permanenti kollha u l-kapijiet ta’ kull entità pubblika tneħħew, imbagħad nitkellmu fuq l-iskandlu tal-Caf. Premier u l-miljuni li ngħataw. Daqqa jkunu Sai Mizzi u t-€13,000 li tieħu fix-xahar għalxejn, imbagħad ikunu Manuel Mallia u l-isparatura tax-xufier tiegħu. Daqqa Cyrus Engerer u kif dan laħaq ‘suldat tal-azzar’ wara li rċieva sentenza sospiża mill- Qorti. Daqqa l-istat tas-servizz pubbliku, Joe Mizzi u ddiżastru fit-trasport pubbliku. Daqqa Konrad Mizzi u l-power station u l-prezz għoli tal-fuel. Daqqa tkun Helena Dalli u l-bini irregolari tal-farmhouse tagħha. Darba oħra jkun Ian Borg u kif l-Ombudsman isostni li ntużaw ‘modi ta’ ingann’ biex inħarġu l-permessi. Daqqa jkunu d-diversi ħatriet ta’ fiduċja lil tal-qalba. Daqqa l-eluf ta’ miljuni mitlufa mill-proġetti tal-Unjoni Ewropea.

U nistgħu nibqgħu sejrin.

Waqt li konna qed niddiskutu l-kundanna qawwija tal- Awditur Ġenerali fuq l-iskandlu ta’ Gaffarena u r-riżenja sfurzata ta’ Michael Falzon minħabba kobba ta’ ingann u korruzzjoni, feġġ skandlu ieħor. Agħtuna nifs man! Ilkoll smajna bil-‘ħatra’ ta’ żewġ avukati biex dawn isiru maġistrati. Wara li dawn ġew approvati mill-Kabinett tal- Ministri, ħareġ ċar li dawn iż-żewġ ħatriet imorru kontra listess Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Possibbli ma kinux jafu? Jista’ jkollok Ministri u ma jafux xi tgħid il-Kostituzzjoni? Waħda kienet Chairperson ta’ entità pubblika. L-oħra ma għalqitx żmien biżżejjed bħala avukat. Il-qerq tal-Gvern hu li waħda ntalbet tirrifjuta ħalli b’hekk il-Gvern ma jidhirx ikrah. Dwar l-oħra se jħallu aktar żmien jgħaddi biex b’hekk din tkun għalqet iż-żmien minimu li wieħed jeħtieġ biex jilħaq maġistrat.

Għalkemm l-età tagħhom u n-nuqqas ta’ esperjenza li għandhom diġà biżżejjed biex wieħed jiddubita minn dawn l-għażliet, l-aktar li tispikka hi d-doża kbira ta’ nepotiżmu. Waħda hija t-tifla ta’ persuna viċin Owen Bonnici. L-oħra hija t-tifla ta’ Anġlu Farrugia, Speaker tal-Parlament u eks-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Tassew storja li mhux kemm taf imma lil min taf!

In-nepotiżmu mhux biss hu wiċċ ieħor ta’ korruzzjoni, imma wkoll inġustizzja soċjali.

Jekk il-Gvern verament irid jimxi b’akkontabbilt. u trasparenza, allura għandu jagħti r-raġunijiet li wasslu biex jintgħażlu dawn iż-żewġ avukati. Wieħed jistaqsi: Liema kriterji ntużaw biex dawn intgħażlu? Għaliex intgħażlu huma u mhux ħaddieħor? X’kapaċitajiet għandhom aktar minn ħaddieħor li minħabba fihom jistħoqqilhom jintgħażlu? X’esperjenza se jġibu magħhom? Huwa minnu li l-ħatra tat-tifla ta’ Anġlu Farrugia saret biex dan iżomm kalm wara li xtaq jilħaq minflok Toni Abela bħala Awditur Ewropew?

Forsi xi ħadd jgħid li dawn l-affarijiet kienu jseħħu fi żmien Gvern Nazzjonalista. Jekk kienu jseħħu, dan ma kienx korrett. Imma l-Gvern Laburista ma wegħidx li se jagħmel politika ġdida?

L-Imħallef Giovanni Bonello mhux biss kellu kliem iebes fil-konfront tad-deċiżjoni tal-Gvern, imma reġa’ insista li Malta, bħall-bqija tal-pajjiżi Ewropej, għandu jkollha sistema aktar trasparenti u akkontabbli. L-Imħallef Emeritu insista li l-għażla għandha tkun waħda miftuħa bħalma huma sejħiet pubbliċi oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, għax verament irid iġib il-bidla mixtieqa, qiegħed jintrabat minn issa li Gvern Nazzjonalista futur jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallef Bonello.

Aktar ma jmur, aktar qiegħda toħroġ id-determinazzjoni ta’ Simon Busuttil biex iġib il-bidla li l-Partit Laburista ftaħar li se jġib u li fil-fatt ma ġab xejn.

“Fl-elezzjoni li jmiss int għandek l-opportunità li ġġib il-bidla li pajjiżna jeħtieġ.”

Dan il-kliem jagħmel aktar sens issa.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 14 ta' Frar, 2016)

BACK
bottom of page