top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Are we now a neurotic nation?

Are we now a neurotic nation?

While the Labour government frequently highlights our resilient economy, many people are left wondering: at what cost? People are constantly on edge and ready to flare up. Credit: Shutterstock.com Although Malta is thriving economically, a closer look reveals growing signs of social strain, signs that are not only becoming increasingly visible but are also leaving lasting marks on the daily lives of many. It seems that more people are constantly on edge, irritable and ready to flare up at the...

16/12/25

It-tfal kollha kollha tagħna!

It-tfal kollha kollha tagħna!

Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm għandna l-istess dinjità umana. Issa, din id-dinjità ma tiddependix mill-abilitajiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Credit: Rawpixel / envato.com Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddiehor li għandu idejn, jisma’ u jara....

06/12/25

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista nieda proposta li jkun hemm fond għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irripettivament mill-familja tiegħu. Jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

25/11/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Straġi f'San Patrizju

  • manuelschembri
  • Mar 26, 2017
  • 3 min read

Huwa ġust u sew li waqt attività kummerċjali privata, jintużaw fondi pubbliċi biex jagħmlu tajjeb?


ree

Il-ġimgħa li għaddiet kienet ġimgħa diffiċli għal diversi residenti f’San Ġiljan. Dan għaliex il-ġimgħa li għaddiet kienet iċċelebrata l-attività ta’ San Patrizju. Matul din il-‘festa’ huma diversi l-eluf li jiġu fostna u jispiċċaw jixorbu l-birra sakemm ma jarawx art!

Għalkemm ir-residenti ta’ San Ġiljan huma mdorrijin is-sena kollha b’diversi nies li jiġu biex jiddevertu, din l-attività qiegħda tkun, sena wara oħra, attività bla rażan u bla ebda responsabbiltà. Ir-residenti qegħdin jilmentaw li matul din il-‘festa’ mhux biss ma jkunux jistgħu jidħlu u lanqas joħorġu minn darhom, imma l-mużika tibqa’ tindaqq sa tard bil-lejl mingħajr ebda konsiderazzjoni għal dawk li huma anzjani jew morda. Residenti oħrajn jilmentaw minn ħmieġ li jitħalla waqt li residenti oħrajn jispiċċaw b’awrina u vomtu wara biebhom!

Nemmen bis-sħiħ li biex wieħed jieħu gost ma jistax idejjaq lil ħaddieħor. Ma jistax ikun li din il-‘festa’ tispiċċa okkażjoni biex kulħadd jagħmel li jrid u jġib ruħu kif irid! Min-naħa tal-Kunsill Lokali ma kienx qiegħed ikun sew lanqas li jispiċċa jħallas għal tindif u ġbir taż-żibel li jitħalla wara. Tajjeb li ngħid li s-sena l-oħra, il-Kunsill Lokali spiċċa biex ħallas mill-baġit tiegħu ’l fuq minn €3,000 biex naddaf mill-ġdid Pjazza Spinola u l-madwar tagħha. Dawn il-flus setgħu marru għal inizjattivi għall-ġid tal-komunità kollha.

Kien proprju għal din ir-raġuni li meta f’Ottubru li għadda l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan irċieva talba mingħand organizzatur privat li kien lest li jorganizza, bi spejjeż għalih, il-Kunsill Lokali qabel li jilqa’ din it-talba. Il-kunsillieri kollha – inkluż dawk tal-Partit Laburista – aċċettaw li dan l-organizzatur jieħu ħsieb jikkordina din l-attività. Imma l-Kunsill Lokali rabat lil dan l-organizzatur b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li jitħallew operaturi oħra biex ikollhom bars barra, li jarma 30 mobile toilet, li jkun hemm ambulanza, membri tas-sigurtà u li jnaddaf mhux biss Pjazza Spinola imma l-madwar kollu. B’hekk il-Kunsill Lokali kien qiegħed iserraħ rasu li din l-attività kienet taħt ċertu kontroll u li kien se jkun hemm l-indafa mingħajr spejjeż għall-Kunsill.

Dak li ġara wara huwa storja magħrufa minn kulħadd. Il-Kunsill Lokali ħass li peress li din l-attività ma baqgħetx taħt il-kontroll tiegħu ma setax jidħol responsabbli għaliha u jispiċċa jnaddaf wara ħaddieħor. Huwa ġust u sew li waqt attività kummerċjali privata, jintużaw fondi pubbliċi biex jagħmlu tajjeb?

Tajjeb li ngħidu li ftit tas-snin ilu l-Kunsill tal-Furjana kien irrifjuta li jnaddaf fuq il-Fosos wara l-attività ta’ Isle of MTV. Il-Kunsill kien qal li mhux sew li mill-flus limitati li għandu, jispiċċa jħallas biex ħaddieħor jistagħna!

Tajjeb li wieħed jitgħallem għall-quddiem. L-ewwel ħaġa nemmen li jekk din l-attività trid tkun taħt ċertu kontroll, hemm bżonn li kulħadd ikun involut. Għalkemm din is-sena l-Kunsill Lokali ma kienx ħareġ sejħa pubblika u skont l-avukat tal-Kunsill seta’ jagħmel dan, nemmen li l-aħjar mod ikun jekk ikun hemm sejħa pubblika għal dawk li jixtiequ jorganizzaw din l-attività. It-tieni ħaġa li wieħed jista’ jgħid hija li jekk il-Gvern jemmen f’din l-attività, allura għandu jidħol responsabbli għaliha hekk kif jidħol responsabbli mill-attività ta’ Isle of MTV. It-tielet ħaġa hija li din l-attività ma għandhiex tibqa’ tiġi organizzata f’din il-lokalità. Jidher li din l-attività kibret ħafna biex tibqa’ sseħħ mingħajr ma r-residenti jispiċċaw minn taħt! Hekk kif attivitajiet simili, bħall-festivals tal-birra jew tal-inbid, spiċċaw jiġu organizzati f’postijiet oħra, wasal iż-żmien li din l-attività toħroġ minn San Ġiljan.

Din hija x-xewqa tal-maġġoranza tar-residenti tagħna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 26 ta' Marzu, 2017)

BACK
bottom of page