top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Tama u Ġustizzja

  • Jul 31, 2023
  • 3 min read

Id-deputati Laburisti kollha baxxew rashom u dawru l-ħarsa ta’ għajnejhom ’l-isfel. Is-skiet inkiser bil-karba ta’ omm u missier Jean Paul. Qraba oħra tkellmu wkoll. Ix-xena kienet ta’ ksur il-qalb.



Għal darb’ oħra, Robert Abela impika mal-Oppożizzjoni u ma riedx jisma’. Għal darb’ oħra, Robert Abela u sħabu d-deputati kienu fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja. Għal darb’ oħra, Roberta Abela u l-Gvern tiegħu kellu mhux biss ibaxxi rasu imma jibla kliemu kollu u jwettaq U-turn oħra. Din kienet it-tielet darba f’dawn l-aħħar xhur.


Ibaxxi rasu u jċedi


L-ewwel kellu jbaxxi rasu għal sentenza storika li l-Qorti ħarġet. F’din is-sentenza, il-Qorti tkellmet b’mod l-aktar ċar li l-kuntratti tal-isptarjiet ma’ Vitals/Stewards kienu frawdolenti u kien hemm qerq mill-bidu sat-tmiem. Għalkemm Robert Abela u sħabu tkellimu wieħed wara l-ieħor kontra l-Partit Nazzjonalista, xorta kellhom jagħtu raġun lill-Partit Nazzjonalista. Għalkemm l-isptarijiet reġgħu lura, s’issa l-miljuni misruqa minn ħalqna għadhom le. Hija mhux biss ħasra imma huwa skandlu li dawn il-flus spiċċaw bħal donnu taru mar-riħ. Ara kemm il-Gvern seta’ jagħmel bihom biex jgħin lil dawk vulnerabbli.


It-tieni darba li Robert Abela kellu jbaxxi rasu u jagħmel U-turn hija fuq il-liġi li kien ser jagħmel biex jidħol l-abort f’pajjiżna taħt skuża tas-saħħa tal-mara. Kull min jifhem, fosthom professjonisti mediċi u esperti tal-liġi, kollha tkellmu b’vuċi waħda li dan kien biss tentattiv fqir ta’ Robert li jdaħħal mit-tieqa l-abort. Il-Partit Nazzjonalista għal darb’ oħra kien fuq in-naħa t-tajba u flimkien mas-soċjetà ċivili tkellem b’mod assertiv li l-ħajja hija valur fundamentali. Wara diversi dibattiti fil-Parlament, fejn l-esponenti tal-Labour kienu dejjem fuq l-attakk u mhux l-ewwel darba tkellmu li aħna, d-deputati tal-PN, konna moħħna magħluq, li qegħdin inbeżgħu u li aħna kontra n-nisa, dawn l-istess deputati laburisti kellhom jibilgħu kliemhom kollu hekk kif Roberta Abela ċeda. Wara li eluf semmgħu leħinhom, kemm waqt protesti li saru u kemm permezz tal-petizzjoni, Roberta Abela kellu jdwawwar fehmtu mill-ġdid.


It-tielet darba hija propju dak li għexna matul il-gimgħat li għaddew.


Għal seba’ xhur, omm Jean Paul Sofia talbet li jkun hemm inkjesta mhux biss maġisterjali imma anke dik pubblika. B’hekk mhux biss il-verità kollha toħroġ imma jinstabu dawk li kienu direttament u indirettament responsabbli għal mewt ta’ dan iż-żagħżugħ. B’hekk, mhux biss issir ġustizzja ma’ l-qraba tiegħu, imma wkoll il-Gvern jieħu l-miżuri kollha biex ma jkunx hemm traġedja oħra. Fil-fatt, dakinhar stess li kellha ssir il-vġili, żagħżugħ ieħor, Mohammed, tilef ħajtu!


Sfortunatament, għal seba’ xhur sħaħ, Robert Abela mhux biss injora din it-talba imma għamel minn kollox biex tintnesa din it-traġedja, ma tant traġedji oħra li seħħew. Kien proprju l-PN li uża dak li tissejjaħ ‘opposition day’, jiġifieri meta l-Oppożizzjoni għandha d-dritt li tagħżel hija liema suġġetti jiġu diskussi f’seduta tal-Parlament.


U propju għaliex il-PN ried u għadu jrid li jkun hemm ġustizzja, għażel proprju li jagħmel tiegħu t-talba għal inkjesta pubblika. Meta din ġiet diskussa fil-Parlament, mill-ġdid il-Partit Laburista spiċċa jimpika u jgħajjar b’mod isteriku! Baqa’ jwebbes rasu tant li l-membri kollha vvutaw kontra l-proposta!


Ili membru tal-Parlament minn 30 t’ Ottubru 2022. Din is-seduta kienet l-aktar waħda kerha u iebsa! Imma li laqatni l-aktar huwa li wara li ttieħed il-vot, waqgħet kalma u silenzju totali! Id-deputati Laburisti kollha baxxew rashom u dawru l-ħarsa ta’ għajnejhom l-isfel. Is-skiet inkiser bil-karba ta’ omm u missier Jean Paul. Qraba oħra tkellmu wkoll. Ix-xena kienet ta’ ksur il-qalb.


L-ironija kollha hija l-partit tal-ħaddiema spiċċa jiddefendi lill-korrotti minflok lill-ħaddiem żagħżugħ.


Il-partit tal-Labour beża’ mill-verità


Il-partit tal-ħaddiema spiċċa b’qalb tal-ġebel u supperv. Il-partit tal-Labour beża mill-verità kollha. Mhux biss. Ftit sigħat wara, Roberta Ablea u sħabu marru jiddivertu ġewwa l-Girgenti u l-għada Robert mar jiġri bid-dgħajsa sa Ragusa. Bla sens ta’ rispett u simpatija għat-tbatija tal-familjari ta’ Jean Paul. Dan mhuwiex il-Labour li diversi vvutaw għalih.


U wara li diversi wrew l-għadab tagħhom għal din l-ebusija u qalu li se jattendu għal vġili quddiem Kastilja, Roberta Ablea reġa’ ċeda u għamel U-turn oħra. Kellu jibla’ kliemu. X’se jgħidu issa d-deputati li tkellmu dakinhar tas-seduta u għajru lilna d-deputati għaliex tkellimna b’mod l-aktar ċar fuq din it-talba? X’ser jgħidu issa? Il-Labour kellu jaċċetta li ssir mhux biss Inkjesta Maġisterjali imma anke Inkjesta Pubblika.


B’hekk il-familja ta’ Sofia u l-poplu kollu, bl-għajnuna tal-PN, reġa rebaħ.


Hemm tama u ġustizzja.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 23 ta' Lulju, 2023)

BACK
bottom of page