top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt: ġustizzja jew vendetta?

Il-piena tal-mewt hija waħda mill-aktar kwistjonijiet kontroversjali fis-soċjetà. Il-mistoqsija fundamentali hija: jista’ l-Istat iġib lura l-ġustizzja billi jieħu ħajja umana oħra? Għandu l-Istat ibiddel il-ġustizzja f’vendetta?

14/10/26

When will Malta experience its own Bastille moment?

When will Malta experience its own Bastille moment?

When reform is no longer enough, our political system must change, writes Albert Buttigieg. What it needs is a fundamental rethinking – and rewriting – of the entire system of government.

01/10/26

Ċittadini attivi

Ċittadini attivi

Il-President Amerikan John F. Kennedy kien qal espressjoni li fiha ħafna x’togħmod: “Tistaqsix x’jista’ jagħmel l-Istat għalik, imma x’lest tagħmel inti għall-Istat.” Hija espressjoni li tikxef ir-responsabbiltà li għandu kull ċittadin lejn pajjiżu.

01/10/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Tribali

Apr 23, 2017
2 min read

Pajjiżna ma għandux bżonn politika tribali… għandu bżonn ċittadini attivi li huma kritiċi fil-ħsieb u fil-vot.



F’ħajti kelli diversi esperjenzi sbieħ. Waħda mill-aktar esperjenzi qawwija kienet meta mort ngħix il-Kenja. Hemmhekk għext għal madwar sentejn. Il-Kenja hija magħmula minn diversi tribujiet. Wieħed mill-aktar qawwija huwa t-tribù tal-Massai. Il-lealtà lejn it-tribù u dak li jgħid il-mexxej tat-tribù hija qawwija ħafna. Ħadd ma jeħodha kontra t-tribù tiegħu. Il-ġibda lejn it-tribù u t-tradizzjonijiet tribali għandha għeruq fondi.

Għaliex qiegħed ngħid dan? Qiegħed ngħid dan għax għalkemm il-kultura tagħna mhix bħal tal-Kenja, fir-realtà nistgħu ngħidu li l-poplu Malti għadu wieħed tribali wkoll.

Il-ġibda lejn ir-raħal tagħna, il-patrun tar-raħal jew it-tim tal-futbol hija qawwija fina. Għalkemm din il-ġibda tagħtina ċerta indentità, fl-istess ħin ma tħalliniex ‘nirraġunaw’ b’moħħna. Inħossuna li rridu naqbżu għat-‘tribù’ tagħna. Jekk din il-ġibda hija qawwija għal raħal, patrun jew tim, din hija ferm aktar qawwija meta wieħed jitkellem fuq il-ġibda lejn it-tribù politiku tagħna!

Diversi jirraġunaw li jekk wieħed twieled f ’familja b’opinjoni Nazzjonalista jew Laburista huwa għandu jmut iħaddan dan l-istess twemmin. Jagħmel x’jagħmel il-partit huwa dejjem tajjeb. Ma jistax jiżbalja. Dejjem għandu raġun. Diversi minn dawn il-persuni jirraġunaw lix-xemx tinżel jew inkella titla’ mal-partit politiku tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-partit oppost huwa ‘frott ix-xitan’ u qatt ma għamel jew jagħmel ħaġa tajba. Din l-attitudni twassal biex wieħed qatt ma jagħmel kritika lejn il-partit u wkoll qatt ma jivvota b’mod differenti. ‘Idea ma tagħtinix’, issib lil xi wħud li jistqarru!

Fil-qosor, din hija mentalità tribali.

Mill-ġdid nistaqsi: għaliex qiegħed ngħid dan? Qiegħed ngħid dan għax waqt li din il-kritika ma għandi l-ebda diffikultà li ngħidha lil ċerti partitarji Nazzjonalisti estremi, din il-ġibda tribali għamja hija ferm aktar qawwija fil-partitarji Laburisti. Għalkemm numru ta’ Laburisti qegħdin ipoġġu għall-ewwel darba l-fiduċja tagħom fil-Partit Nazzjonalista, hemm numru mhux żgħir ta’ partitarji Laburisti li quddiem sensiela sħiħa ta’ eżempji ta’ korruzzjoni u governanza ħażina xorta jibqgħu ma jagħmlu l-ebda kritika lejn il-partit. Iħossu li ma jistgħux ikunu kritiċi lejn il-partit għax jekk jagħmlu dan ikunu qegħdin jonqsu lill-partit tagħhom. Għandhom fiduċja għamja. Għandhom lealtà bla diskussjoni. Għalihom, anke jekk wieħed imqar jikkritika, ifisser li qegħdin jagħtu palata lill-Partit Nazzjonalista. Meta jiġri dan, il-partitarji ma jkunux qegħdin jużaw moħħhom.

Għaldaqstant, jispiċċaw bħan-nagħaġ ta’ Bendu. Jekk wieħed irid eżempju klassiku, jista’ jsemmi lil Konrad Mizzi. Kull min għandu moħħ biex jirraġuna jaf sew li wieħed ma jiftaħx kumpanija sigrieta l- Panama biex ipoġġi s-salarju ta’ Ministru! Kull min jirraġuna jista’ jasal għall-konklużjoni li wieħed jagħmel dan biex ikun jista’ mhux biss jevita t-taxxi dovuti (din diġà hija ħaġa kbira li ministru jipprova jevita t-taxxa), imma biex ipoġġi flus maħmuġa. Madankollu, minn stħarriġ pubbliku li sar reċentement, Konrad Mizzi huwa l-aktar kandidat popolari f’dak id-distrett. Verament il-ġidba tribali hija waħda għamja!

Għalkemm il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija ferm inqas tribali, hemm bżonn li naħdmu biex iċ-ċittadini jkunu persuni aktar maturi u kritiċi. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma beża’ jagħti l-edukazzjoni liċ-ċittadini bħala għodda biex dawn jaħsbu b’moħħhom. Pajjiżna ma għandux bżonn politika tribali li ma tħalliniex nirraġunaw minħabba l-għamad tribali. Pajjiżna għandu bżonn ċittadini attivi li huma kritiċi fil-ħsieb u fil-vot.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 23 ta' April, 2017)

BACK
bottom of page