top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Enabling the politics of bullying?

Enabling the politics of bullying?

US President Donald Trump is a bully who threatens world peace and global stability, and the world must stand up to him. Using Trump’s logic, Putin was justified in invading Ukraine. Credit: History in HD / Unsplash Acting like a bully in a schoolyard is something most of us can sadly recall from experience. When a bully is not challenged but excused or ignored, the abuse does not stop. On the contrary, the bully grows bolder, targets more people and pushes boundaries further. Regrettably, US...

25/01/26

The importance of peace builders

The importance of peace builders

We too often take our democratic stability, the rule of law, social justice and social cohesion, long considered pillars of lasting peace, for granted. Sadly, discourse on social media has grown increasingly harsh, normalising insults, resentment and misinformation. Credit: Shutterstock.com At the start of 2026, peace feels more urgent, and more fragile, than ever. From the devastating scenes in Ukraine to the genocide in Gaza, to conflicts in Sudan and numerous others that failed to make the...

15/01/26

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern Laburista f’San Ġiljan

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi ta’ l-għola kwalità.

12/01/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

'Victory Sign'

  • manuelschembri
  • Apr 6, 2015
  • 3 min read

Jekk illum forsi tinsab 'imkisser' u 'għajjien mill-ħajja' ftakar li għada jista' jkun l-Għid tiegħek.



Is-sinjal ta’ dawk li jistqarru li jsegwu t-tagħlim u l-ħajja ta’ Ġesù Kristu, u allura jissejħu Kristjani, huwa s-sinjal tas-salib. Is-simbolu tas-salib huwa simbolu qawwi mhux biss għaliex marbut mal-ġrajjiet storiċi ta’ Ġesù fl-aħħar sigħat tiegħu fostna imma wkoll għaliex huwa simbolu li matul is-sekli kien ta’ ispirazzjoni u kuraġġ għal ħafna.

Għal ħafna, is-sinjal tas-salib kien u għadu ispirazzjoni profonda fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħhom, b’mod partikolari flmumenti iebsa li l-ħajja toffri minn żmien għal ieħor. Għal diversi oħrajn, is-simbolu tas-salib offra jew joffri identità u stil ta’ ħajja.

Għal xi whud, is-simbolu tas-salib kien ispirazzjoni fl-arti u fil-kitba tagħhom. Għal oħrajn, sfortunatament, is-simbolu tas-salib kien ifisser oppressjoni u ġlied għaliex ġie użat għal għanijiet ta’ kilba għal ħakma. Għalina, li għandha l-valur talfidi u ma għandha l-ebda kilba għall-ħakma, is-simbolu tas-salib huwa sinjal ta’ grazzja, tama u mħabba.

Imma kieku kelli nagħżel simbolu ieħor li jiddiskrivi ssinifikat profond tas-salib, nagħżel is-simbolu tal-Victory Sign. Naħseb li kulħadd jaf kif inhu u kif isir. Huwa sinjal li kien jintuża ħafna mis-suldati Alleati matul l-aħħar Gwerra Dinjija bħala sinjal ta’ rebħa.

Il-Victory Sign huwa wkoll marbut mal-famuż Prim Ministru Ingliż Winston Churchill li f’diversi ritratti storiċi jidher proprju jagħmel dan il-ġest. Imbagħad matul is-snin 60, is-simbolu tal- Victory Sign beda jintuża bħala sinjal mhux biss ta’ rebħa imma wkoll mill-movimenti favur il-paċi.

Nistqarr li s-simbolu tas-salib proprju jiġbor fil-qosor dan – Ir-rebħa u l-Paċi. Kristu rebbieħ. Kristu li jġib il-paċi.


Għadna kemm iċċelebrajna tifkira solenni tal-Għid il-Kbir bħala l-akbar ġrajja fil-kalendarju Kristjan. L-Għid ifakkar ġrajja unika. Wieħed biex jifhimha għandu bżonn l-għajnuna tal-fidi. Din hija l-ġrajja meta l-unika persuna li qatt mietet, terġa’ tqum mill-mewt! Ġesù, wara tliet snin jipprietka l-aħbar ta’ paċi u għaqda, ifejjaq il-morda, jitma’ lil min kien bil-ġuħ, jispiċċa huwa nnifsu msawwat, umiljat, imbiċċer u msallab fuq għuda fil-forma ta’ salib.

Imma l-ġrajja ma waqfetx hemm. Tlett ijiem wara dan l-istess Ġesù jqum minn bejn l-imwiet biex iġib fix-xejn il-pjanijiet tal-qarrieqa mewt. Ir-rebħa ta’ Ġesù tiġi wara t-tbatija u sofferenza. Għal min għaddej minn mumenti diffiċli f’ħajtu dan huwa messaġġ ta’ tama u kuraġġ. Ir-rebħa ta’ Ġesù ġiet wara tliet sigħat fuq is-salib. Għalkemm is-salib tal-ħajja – li jista’ jieħu diversi forom u għamliet – jista’ jsallbek bit-tbatija u s-sofferenza mhux biss għal tliet sigħat imma għal diversi xhur u forsi anke snin, imma wara dan is-salib hemm il-fidwa. Hemm ir-rebħa.

Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Wara x-xita terġa’ tfeġġ ix-xemx. Għaldaqstant, is-simbolu tas-salib huwa simbolu ta’ kuraġġ u tama. Għalkemm illum forsi ‘imkisser’ u ‘għajjien mill-ħajja’ imma għada jkun l-Għid tiegħek. Ġesù huwa u tiela’ t-telgħa tal-Golgota waqa’ tliet darbiet taħt il-piż tal-għuda tas-salib. Ħafna drabi aħna nieqfu naħsbu fuq il-waqgħa ta’ Ġesù imma ftit naħsbu li għalkemm Ġesù waqa’ tliet darbiet, għal tliet darbiet reġa’ wkoll qam biex ikompli l-mixja tiegħu. Waqa’, imma reġa’ qam. Reġa’ qam għal tliet darbiet sakemm wasal fejn kellu jasal.

Nistgħu lkoll nogħtru u naqgħu taħt is-salib tal-ħajja tagħna, imma jalla jkollna l-kuraġġ li nerġgħu nqumu fuq riġlejna biex inkomplu bil-mixja tagħna. Il-ħażin, il-vizzju u l-mard iwaqqgħuna imma jalla nsibu lkuraġġ biex nerġgħu nqumu u nkomplu bil-ħajja tagħna.

Għalkemm fil-ġrajja ta’ Ġesù nafu li f’dawn il-waqgħat kollha kien hemm ukoll l-għajnuna ta’ wieħed imsejjaħ Xmum minn Ċirene li kien ta’ għajnuna lil Ġesù, hekk ukoll aħna lkoll imsejħin biex inkunu ‘Ċirinew’ għal oħrajn. Ilkoll imsejħin biex noffru l-id ta’ għajnuna lil dawk ta’ madwarna li jinsabu mal-art.

Ilkoll irridu naħdmu biex lil dawn in-nies inqajmuhom fuq riġlejhom. Mhux hekk biss. Anki s-sistemi politiċi tagħna għandhom ikun ‘politika ta’ Ċirinew’ – jiġifieri politika li toffri sostenn biex wieħed iqum verament fuq riġlejh u ma jibqax mal-art. B’hekk biss jista’ jkollna ‘rebħa’ fuq il-faqar u t-tbatija.

Ġesù fuq is-salib ħass il-għafsa ta’ dik il-ħruxija u nfexx jgħid ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ Hija l-istess karba tagħna li aħna forsi nħossuna li Alla telaqna u mar jistaħba xi mkien. Kull qalb muġugħa tgħid ajma. Anki Ġesù kellu l-karba tal-ajma tiegħu. Imma ma waqafx hemm. Huwa jkompli u jistqarr ‘f’idejk Missier nerħi ruħi’. Jalla li bħal Ġesù fil-mumenti ta’ disperazzjoni nintelqu f’idejn dak li qatt ma jinsiena jew iħallina weħedna.

Jalla jkollna aktar fiduċja li nintelqu fi ħdan il-Mulej. Li nafdaw ruħna f’idejn fil-Mulej twassalna biex ikollna l-vera paċi interna. Bil-paċi interna jkollna aktar serenità magħna nfusna biex inħarsu ’l quddiem b’fiducja li r-rebħa finalment tagħna se tkun. Anki jekk nimxu f’wied mudlam ma nibżgħux mill-ħsara għaliex Huwa magħna sakemm nistqarru ‘Kollox mitmum’ – dak li kont imsejjaħ biex ngħid u nagħmel, għidtu u għamiltu!

Verament is-simbolu tas-salib huwa simbolu ta’ rebħa u fidwa. Huwa l-‘victory sign’ tagħna!

Jalla ngħixu ta’ nies rebbieħa!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 07 ta' April, 2015)

BACK
bottom of page