top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Are we now a neurotic nation?

Are we now a neurotic nation?

While the Labour government frequently highlights our resilient economy, many people are left wondering: at what cost? People are constantly on edge and ready to flare up. Credit: Shutterstock.com Although Malta is thriving economically, a closer look reveals growing signs of social strain, signs that are not only becoming increasingly visible but are also leaving lasting marks on the daily lives of many. It seems that more people are constantly on edge, irritable and ready to flare up at the...

16/12/25

It-tfal kollha kollha tagħna!

It-tfal kollha kollha tagħna!

Il-kelma ‘inklużjoni’ tikxef mentalità fejn KULĦADD huwa ugwali. Din l-ugwaljanza ġejja mill-prinċipju fundamentali li lkoll kemm għandna l-istess dinjità umana. Issa, din id-dinjità ma tiddependix mill-abilitajiet differenti li wieħed jista’ jkollu. Credit: Rawpixel / envato.com Id-dinjità umana hija l-essenza ta’ dak li jagħmilna bnedmin. Dan huwa valur intrinsiku. Jista’ ma jkollix idejn, ma nismax, ma narax IMMA xorta jiena persuna umana daqs ħaddiehor li għandu idejn, jisma’ u jara....

06/12/25

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Il-fond ta’ investiment għat-tfal: Proposta għaqlija

Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista nieda proposta li jkun hemm fond għal kull wild ġdid li jitwieled. B’hekk kull wild, irripettivament mill-familja tiegħu. Jibda’ l-ħajja bl-istess opportunità.

25/11/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Ħobż u ċ-Ċirklu

  • manuelschembri
  • Jan 14, 2018
  • 3 min read

Quddiem Gvern li b'mod sistematiku qiegħed isodd ħalq il-poplu b'diversi modi u li qiegħed joffri tant aljenazzjonijiet, il-PN għandu jkun il-vuċi ta' dawk li m'għandhomx!


ree

Bil-Latin hemm espressjoni li tgħid: ‘Panem et Circenses’ . Din tfisser ħobż u ċirklu. Il-poeta bl-isem ta’ Juvenal kien ħareġ b’din l-espressjoni biex jikkritika lill-imperaturi Rumani li biex iżommu lill-poplu ferħan u aljenat mit-tmexxija tagħhom, kienu jipprovdhulu l-qamħ b’xejn.

Mal-medda taż-żminijiet, din l-espressjoni ħadet tifsira politika. Saret tintuża għal meta xi gvern jew inkella xi dittatur jipprova jsikket u jaljena lill-poplu billi jagħtih ‘ħobż’ u ‘ċirklu’, jiġifieri ġid u divertiment. B’hekk ilpoplu jibqa’ kwiet, kalm u kuntent.

Żgur u mhux forsi, li fl-aħħar erba’ snin, Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu wettqu, b’mod fin għall-aħħar, din il-politika tal-‘ħobż’ u ‘ċirklu’. Diversi qegħdin ‘jieklu’ mhux minn ħalq wieħed, imma minn tnejn jew tlieta. Filwaqt li xi wħud, fosthom anzjani, qegħdin jingħataw il-loqom, oħrajn qegħdin jiffangaw waħda sew. Il-ħobż li qiegħed jagħti l-Gvern Laburista jieħu diversi forom, fosthom promozzjonijiet mgħaġġla: erba’ promozzjonijiet f’xahar, salarji m’għola s-sema, impiegi mal-Gvern, postijiet tal-Gvern, għoti ta’ permessi ta’ żviluppi enormi fuq art verġni, u kuntratti ta’ xogħol, fost oħrajn. B’hekk wieħed ma jista’ qatt jasal biex jigdem l-id li qiegħda titimgħu!

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Laburista offra diversi mumenti ta’ ‘divertiment’ biex jaljena. Wieħed jista’ jsemmi l-konferenzi bombastiċi biex iħabbar xi proġetti privati jew tal-Gvern (tajjeb li wieħed isemmi li wara ħafna pompa, diversi proġetti mħabbra, bħall-Universita’ Amerikana, l-isptar ta’ Barths u oħrajn spiċċaw fix-xejn!) kif ukoll l-attivitajiet u l-infiq eseġerat fil-laqgħa tal-Commonwealth u tal-Presidenza Ewropea. Issa, li l-Belt Valletta se ssir il-Belt Kapitali Ewropea, nistennew aktar pompa. Tajjeb li wieħed isemmi il-ftuħ tal-pjazza ta’ quddiem id-dħul ta’ Bieb il-Belt. Ftit jiftakru kemm esponenti tal-Partit Laburista maqdru l-proġett meta kien imħabbar mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi! Issa, sar sabiħ!

Filwaqt li għaddej dan kollu, il-Gvern ikompli għaddej romblu minn fuq kulħadd. Il-Gvern għaddej b’governanza ħażina, bi stejjer ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, l-iffirmar ta’ kuntratti dubjużi u theddid lil min jipprova jikkritikah. Sfortunatament, il-politika tal-‘ħobż’ u ċ-‘ċirklu’ twassal biex il-poplu sakemm għandu l-flus fil-but, jaqa’ fis-silenzju. Għal xi wħud ftit jimpurtahom minn ħwejjeġ oħra.

Il-PN irid jibqa’ jkun il-vuċi tas-sewwa. Irid jibqa’ partit li l-abjad jibqa’ jsejjaħlu abjad, filwaqt li l-iswed jibqa’ jkollu l-kuraġġ li jgħidlu iswed. Il-PN jekk jagħżel li joqgħod fis-silenzju għaliex jibża’ li se jitlef il-popolarità, ikun qiegħed jirriskja li jispiċċa jitlef is-sens kollu għaliex jeżisti!

Għalkemm il-maġġoranza tal-poplu tat l-appoġġ lill-PL biex imexxi l-pajjiż, tajjeb li niftakru li ftit inqas min-nofs l-ieħor, ta l-fiduċja lill-PN. Nistgħu nirbħu l-fiduċja lura jekk verament nibqgħu nkunu punt ta’ riferenza. Jekk nitilfu dan, allura ma neħodhiex bi kbira li l-poplu mhux biss jibqa’ jagħżel lill-PL, imma jispiċċa jagħżel forzi politiċi oħrajn. Fina, il-poplu jrid jibqa’ jara s-sewwa u l-verità.

Nistqarr, li l-PN għandu mhux biss problema ta’ għaqda (li forsi din qiegħda tittaffa bil-mod il-mod) imma għandu problema ta’ identit.. X’inhuma l-fehmiet tiegħu f’dawn iż-żminijiet? X’inhuma l-valuri li jrid iħaddan? Kif se jkun fidil lejn il-valuri li sawruh? Għaliex il-poplu għandu jagħżel li jkollu fiduċja fih u mhux fil-PL? X’qed joffri differenti? Biex ikollna tweġibiet ġenwini ma nistgħux inkunu mdawra b’nies li jaħsbuha kollha l-istess! Jekk jiġri dan, allura se jkollna risposti kożmetiċi u mingħajr konvinzjoni.

Quddiem Gvern li b’mod sistematiku qiegħed isodd ħalq il-poplu b’diversi modi u li qiegħed joffri tant

aljenazzjonijiet, il-PN għandu bżonn ikun id-dawl fiddlam, is-sinjal f’salib it-toroq u l-vuċi ta’ dawk li

m’għandhomx!

Għalkemm l-imperaturi Rumani kienu joffru ‘ħobż’ u ‘ċirklu b’xejn, xorta l-poplu fl-aħħar qam kontra dan il-mod ta’ tmexxija. Dan għandu jiftħilna għajnejna u moħħna biex nagħrfu li xi darba jew oħra, il-PL se jinżel mit-tron tiegħu. Hemmhekk, il-PN irid ikun lest biex jitla’ fit-tmexxija! Imma biex il-Partit ikun lest, irid jgħix dak li jemmen fih.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 14 ta' Jannar, 2018)

BACK
bottom of page