Platti jċekċku
- 2 days ago
- 3 min read
Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa.

Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju.
Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità lil dawn il-persuni li qegħdin jittamaw għal ħajja aħjar, u fl-istess ħin l-Ewropa trid tgħin lill-pajjiżi minn fejn ġejjin dawn ir-refuġjati biex isolvu l-problemi kbar tagħhom.
Nistqarr li l-problema tal-moviment ta’ persuni li jaqsmu minn pajjiż għal ieħor m’għandhiex soluzzjoni faċli. Inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna jew inkella nħaddnu politika populista jekk nistqarru li hemm soluzzjoni faċli. Hija sitwazzjoni sensittiva li tolqot fil-laħam il-ħaj u toffri sfidi kbar. Din mhix ‘problema’ biss tal-pajjiżi Mediterranji. Din hija sfida umana u Ewropea.
Ir-realtà turina li, bħal dejjem, huma l-persuni foqra u vulnerabbli li jispiċċaw imorru minn taħt. Is-sinjur u l-potent għandu ‘soluzzjoni’ biex jaħrab minn pajjiżu u jfittex ħajja aħjar. Għall-vulnerabbli hemm ċatra titbandal mal-mewġ f’ħalq il-mewt, filwaqt li għas-sinjur u l-potent hemm passaport li jinxtara!
Filwaqt li nistqarr li l-moviment tal-persuni joffri sfidi kbar u hemm ukoll ċerti problemi marbuta miegħu, ninsab konvint li d-diskorsi populisti, it-tixwix tal-massa, l-aħbarijiet selettivi u l-kummenti mibnija fuq il-biża’ ma jgħinu xejn biex ikun hemm ambjent seren għad-diskussjoni ta’ dan il-fenomenu uman. Biżżejjed wieħed jaqra ċerti kummenti minn ċerti politiċi li suppost mhux biss jagħtu l-eżempju, imma ġew magħżula biex ikunu ta’ ispirazzjoni.
Għaldaqstant, naqsam magħkom ċerti punti li tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu qabel ma jinfexx jgħajjar lil dawn il-persuni u lil min qiegħed jipprova jsib soluzzjoni umana.
Il-moviment ta’ persuni minn pajjiż għal ieħor mhux fenomenu ġdid. Il-moviment tal-persuni kien hemm mill-bidu tal-istorja umana. Diversi persuni u familji ħarbu jew tmexxew minn pajjiż għal ieħor bit-tama ta’ ħajja aħjar jew inkella minħabba l-biża’ ta’ gwerer u persekuzzjoni. Il-familja ta’ Nażaret kienet hija stess familja refuġjata ġewwa l-Eġittu minħabba l-biża’ ta’ Erodi.
Distinzjoni bejn ir-refuġjati li jiġu bil-baħar u diversi persuni li jiġu biex jaħdmu f’pajjiżna. Kif kulħadd jaf, l-ekonomija tagħna ġiet mibnija fuq il-ħidma tal-barranin li jiġu fostna, ħafna drabi mill-Indja, il-Bangladesh, il-Filippini u pajjiżi Asjatiċi oħra. Dawn jiġu fostna biex jmantnu lill-familji tagħhom u jiġu permezz ta’ aġenziji fejn iħallsu l-eluf biex jagħmlu dan. Jekk wieħed jemmen li hawn ħafna minnhom f’pajjiżna, ejjew niftakru li dawn ġew għaliex ġibniehom aħna (u l-Gvern)! Min-naħa l-oħra, dawk li jiġu bil-baħar, ħafna drabi jkunu qegħdin jaħarbu mhux biss mill-miżerja imma mill-gwerer, u huma foqra u vulnerabbli. Ħafna minnhom lanqas biss ikollhom passaport għaliex f’pajjiżhom din is-sistema lanqas teżisti!
Il-biża‘ ta’ invażjoni. Din tinsab fis-subkonxju tagħna. Dan ġej mill-fatt li matul is-sekli pajjiżna kien dejjem maħkum minn oħrajn. Dan huwa argument li diversi politiċi jħobbu jużaw biex jakkwistaw il-poter. Anke Hitler uża dan l-argument biex jaħtaf il-poter billi kkonvinċa lill-Ġermaniżi li l-Lhud kienu ħakmu l-Ġermanja! Il-fatti juru mod ieħor.
L-argument li pajjiż għandu limiti ta’ kemm jiflaħ jieħu huwa argument ġust. Pajjiżna huwa dak li hu. Imma jekk wieħed se juża dan l-argument tal-limitu, irid juża l-istess argument għat-turiżmu u l-bini żejjed! Nifilħu aktar turisti? Hemm bżonn ikun hemm limitu ta’ kemm jistgħu jiġu fostna, kif qegħdin isostnu ċerti operaturi fit-turiżmu? L-infrastruttura tiflaħ għal dan l-ammont ta’ nies? Jekk Malta hija żgħira, allura żgħira għal kollox!
Kontroll fuq pajjiżna. Xi wħud isostnu li se nitilfu l-kontroll fuq pajjiżna. Għalkemm nistqarr li dawn il-persuni għandhom jintegraw mal-kultura tagħna, nistqarr ukoll li mhumiex dawn il-persuni li qegħdin jew se jaħtfu lil pajjiżna. Inħoss li huma aktar ċerti fat cats Maltin – negożjanti u żviluppaturi kbar – li qegħdin jaħkmu d-demokrazija u l-art Maltija! Ejjew inkunu onesti.
Hemm diversi punti oħra x’wieħed jista’ jgħid, imma wieħed jagħmel tajjeb li jiftakar li din hija sfida li mhix se tmur bl-għajjat, l-insulti u t-tixwix.
Għaldaqstant, nistaqsi x’inhu l-pjan fit-tul f’dan ir-rigward? Hemm bżonn li jkun hemm pjan fit-tul, bħalma hemm bżonn pjan fit-tul f’oqsma oħra bħall-iżvilupp u l-ambjent.
Fl-aħħar nett, nagħmlu tajjeb li niftakru f’dak li qal San Pawl, li kien hu wkoll refuġjat ‘politiku’ f’pajjiżna, meta kiteb: “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.”
Meta nitkellmu dwar dawn il-persuni mingħajr imħabba f’fommna u nkunu razzisti, inkunu qed nagħżlu li nkunu biss “platti jċekċku”.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 6 ta' Lulju, 2026)





