top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Melħ

  • Jan 18, 2015
  • 3 min read

Ċittadin passiv ma jinteressaħx li l-Gvern jaħbi jew jgħawweġ il-verità fuq diversi issues u jaqdi lill-ħbieb tal-ħbieb' b'salarji fenomenali, sakemm huwa jibqa' jinqeda, għalies il-mentalità ta' klijenteliżmu trendi!



Mingħajr melħ fl-ikel, m’hemmx togħma u palat tajjeb. Min-naħa l-oħra, għal min ibati bil-pressjoni, il-melħ jagħmillu differenza f’saħħtu. Fil-qosor, nistgħu ngħidu li l-melħ, jew in-nuqqas tiegħu, jagħmel differenza sħiħa. Għaliex qiegħed inġib dan l-eżempju sempliċi?

Qiegħed inġib dan l-eżempju għaliex nemmen li aħna lkoll imsejħin biex inkunu bħall-melħ, li nagħmlu

differenza, sintendi, differenza fit-tajjeb u mhux fil-ħażin. Din is-sejħa toħroġ mill-fatt fundamentali li għalkemm aħna lkoll differenti fl-uċuħ, fil-karattru, fil-personalita, fil-kulur tal-ġilda, fl-opinjonijiet, fl-istili ta’ ħajja jew fil-lokalita' fejn ngħixu, il-fatt komuni ta’ bejnietna hu li AĦNA LKOLL ĊITTADINI. Ilkoll ċittadini ta’ dan ilpajjiż u fis-sens wiesa’ tal-kelma, ILKOLL ĊITTADINI ta’ dan il-villaġġ uman, li hu d-dinja. Dan huwa l-common factor tagħna, kif jgħidu bl-Ingliż.

Dan il-fatt fundamentali għandu jnissel fina sentimentprofond, li lkoll nagħmlu parti minn realta akbar minna nfusna. Ifisser li aħna nagħmlu parti minn ‘familja’ waħda. Ħadd mhu għal rasu. Ħadd ma jista’ jgħix bħal gżira għalih innifsu. Kull wieħed u waħda minna hu membru integrali minn din ir-realta. Qisna lkoll bħal jigsaw puzzle fejn kull parti – anke l-iżgħar waħda u li tidher insinifikanti – hija fil-fatt importanti u neċessarja biex ikun hemm l-istampa kollha. Mingħajr l-iżgħar biċċa, il-jigsaw puzzle ma tkunx sħiħa u kompluta! Dan ifisser li INT, JIEN u l-OĦRAJN, hemm rabta qawwija u profonda bejnietna! F’ċertu sens, dak li tagħmel int, se nħossu jien. Min-naħa l-oħra, dak li nwettaq jew ma nwettaqx jien, se tħossu int ukoll! Din ir-rabta ta’ bejnietna m’għandhiex tkun biss fl-isem jew fil-karta tal-identita'. Il-fatt li aħna ċittadini jfisser li m’hemmx biss drittijiet, li tajjeb li jkunu mħarsa dejjem u minn kulħadd, imma hemm ukoll responsabbiltajiet. Bħal kull munita, hemm żewġt uċuħ. Kull ċittadin għandu responsabbiltajiet kbar lejn iċ-ċittadini l-oħrajn. L-ikbar responsabbilta li kull ċittadin għandu hija li wieħed ikun ċittadin attiv u mhux passiv.

Ċittadin passiv huwa ċittadin li l-aktar kelma importanti għalih hija l-kelma ‘Jiena’, aktar milli l-kelma ‘Aħna’. Ċittadin passiv ma jimpurtahx mill-oħrajn. Il-mentalita hija li dak li jiġri madwari u lill-oħrajn, sakemm ma jmiss lili jew lil min inħobb (li jista’ jinkludi l-but jew ċerti oġġetti), allura ma jimpurtanix. Jimpurtani biss minni nnifsi. Min jirraġuna b’dan il-mod mhux ċittadin attiv imma passiv. U għaliex huwa ċittadin passiv, ma jimpurtah minn xejn u minn ħadd. Ċittadin passiv ma jimpurtahx, pereżempju, mill-inġustizzji li jsiru fuq l-oħrajn, sakemm ma jsirux fuqu. Ċittadin passiv ma jimpurtahx li għasafar jinqatlu b’kapriċċ, sakemm mhumiex il-pet tiegħu! Ċittadin passiv ma jinteressahx li l-kampanja qiegħda tisparixxi u hemm min irid jibni ‘Buġibba tas-South’, sakemm għandu l-ġardina wara d-dar tiegħu! Ċittadin passiv ma jinteressahx li l-Gvern jaħbi jew jgħawweġ ilverita fuq diversi issues u jaqdi lill-‘ħbieb tal-ħbieb’ b’salarji fenomenali, sakemm hu jibqa’ jinqeda, għaliex ilmentalita ta’ klijenteliżmu trendi! Ċittadin passiv ma jimpurtahx li fid-dinja hemm l-inġustizzji u l-faqar, l-aqwa li fid-‘dinja’ tiegħu kollox miexi sew.

Iżda ċ-ċittadin attiv iżomm lilu nnifsu aġġornat b’dak li qiegħed jiġri madwaru. Ċittadin attiv huwa sensittiv għallinġustizzji u l-faqar tal-oħrajn. Ċittadin attiv isemma’ leħnu meta jara li l-affarijiet mhumiex sejrin kif kien imwiegħed. Ċittadin attiv jaf juża moħħu u jagħraf min irid jgħaddih biż-żmien. Għalih mhux kollox jgħodd. Mhux kollox jgħaddi. Ċittadin attiv huwa bħall-melħ.


Jagħmel differenza u jagħti ‘palat’ lid-‘dinja’ ta’ madwaru.

Il-President Amerikan famuż John F. Kennedy kien jgħid liċ-ċittadini li m’għandhomx jistennew x’jista’

jagħmel l-istat għalihom imma jridu jaraw huma x’jistgħu jagħmlu għall-istat! Ċittadin attiv ma jistenniex lill-istat biex jagħmel lil pajjiżu aħjar, imma ċ-ċittadin, flimkien mal-istat, ikun minn tal-ewwel biex jibni soċjeta aktar ġusta, umana u inklużiva.

Jien nixtieq li kuljum inkompli naħdem, flimkien ma’ oħrajn, fil-bini ta’ soċjeta aħjar. Nagħżel li nkun bħall-melħ fl-ikel. Nagħżel li nkun ċittadin attiv.

U int? X’se tagħżel li tkun?


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 18 ta' Jannar, 2015)

BACK
bottom of page