top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2026 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Platti jċekċku

Platti jċekċku

Dan l-aħħar il-Papa Ljun XIV mexa fuq il-passi tal-Papa Franġisku u żar Lampedusa. Ritratt ta' Miguela Xuereb Lampedusa hija gżira iżgħar minn Malta u, għalkemm viċin tagħna, hija parti mill-Istat Taljan. Diversi drabi, din il-gżira tispiċċa tilqa’ diversi refuġjati li jaslu hemm bil-baħar. Sfortunatament, diversi minnhom, fosthom tfal u nisa, jispiċċaw mgħarrqa! Il-baħar Mediterran bħal donnu sar ċimiterju. Il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV kien wieħed ċar: sejħa biex l-Ewropa tilqa’ b’dinjità...

09/07/26

The elephant both parties ignored

The elephant both parties ignored

The normalisation of corruption is Malta’s most dangerous political legacy, writes Albert Buttigieg. By ignoring corruption, the PN played into Labour’s narrative.

30/06/26

Għall-kapitlu li jmiss

Għall-kapitlu li jmiss

Filwaqt li nifraħ lil dawk li ġew eletti bħala Membri tal-Parlament, ġentilment nagħraf li b’dan ir-riżultat issa ser inkun qiegħed nagħlaq il-kapitlu politiku tiegħi b’sens ta’ serenità kbira. Ritratt ta' Erika Lanzafame Kull bidu fih it-tmiem F’ħajti kelli diversi kapitli – saċerdot/patri Kappuċin, għalliem, maniġer, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku, deputat. Kull kapitlu kellu s-sabiħ u l-isfidi tiegħu. Matul dan il-kapitlu politiku dejjem għamilt ħilti biex inkun leħen għall-ġid komuni...

30/06/26

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Farawni Maltin

  • Jul 3, 2023
  • 3 min read

Kif donnu l-Farawni bnew l-ekonomija tagħhom fuq l-iskjavi, il-Gvern Laburista qiegħed jagħmel l-istess. Qiegħed jibni l-ekonomija fuq mudell ta’ sfruttament u ta’ cheap labour.


Credit: Shutterstock.com

Il-piramidi fl-Eġittu huma simbolu tal-glorja u tal-progress fiż-żminijiet meta l-Farawni kienu jaħkmu l-Eġittu. Il-primadi kienu jinbnew mhux biss bħala oqbra biex il-farawuni jkunu midfun fihom, imma wkoll bħala simbolu tal-glorja u poter li kellhom. Il-primadi huma dak li bl-Ingliż ngħidu ‘status symbol’. Illum biex turi kemm int kbir u potenti jkollok xi karozza li tiswa ħafna, xi yacht jew xi villa enormi, imma f’dak iż-żmien kienu jaħsbuha billi jibnu dawn il-monumenti.


Imma għalkemm il-piramidi huma llum meqjusa mhux biss bħala patrimonju universali imma wkoll meravilja ta’ inġinerija meta wieħed iqisi li f’dawk iż-żminijiet ma kienx hemm studju u makkinarju, imma tajjeb ngħidu li dawn il-piramidi huma wkoll simbolu ta’ oppressjoni, sfruttament u tbatija. Għaliex?


Għaliex dawn il-piramidi ġew mibnija minn skjavi. Eluf ta’ skjavi mhux biss batew l-għaraq u demm, imma wkoll eluf tilfu ħajjithom. Forsi l-aktar grupp ta’ skjavi li bnew dawn il-piramidi li nafu bihom huma l-poplu Lhudi. Dan nafuħ mill-Bibbja u mill-istorja ta’ Mosè. Imma kien hemm popli oħra li meta dawn tilfu l-battalji mal-Imperu Eġizzjan spiċċaw skjavi.


Għaldaqstant, il-piramidi huma mċappsa b’demm tal-iskjavi fejn il-persuna ma kellhiex dinjità imma kienet oġġett biex jistana ħaddieħor.


Għalfejn qiegħed ngħid dan kollu?


Sfortunatament f’pajjiżna għandha sistema u mudell ekonomiku fejn numru ta’ ħaddiema barranin, l-aktar refuġjati/migrant workers, huma meqjusa donnhom bħala skjavi ta’ żminijietna. Dawn mhumiex qegħdin jibnu l-ebda piramidi imma qegħdin jiġu trattati donnhom bħala skjavi, b’kundizzjonijiet ħżiena u pagi baxxi.


Cheap labour


Kif donnu l-Farawni bnew l-ekonomija tagħhom fuq l-iskjavi, il-Gvern Laburista qiegħed jagħmel l-istess. Qiegħed jibni l-ekonomija fuq mudell ta’ sfruttament u ta’ cheap labour. Ic-cheap labour huwa nġustizzja soċjali u nsult lid-dinjità umana.


Għalkemm diversi minn dawn il-persuni jaħdmu f’diversi setturi, fosthom f’deliveries tal-ikel jew f’ħwienet, l-aktar li qegħdin ibatu huma dawk il-ħaddiema barranin li qegħdin jaħdmu fil-kostruzzjoni.

Dan l-aħħar fil-Parliament kellna diskussjoni fuq is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u fir-rapport annwali tal-Awtorità tal-Ħarsien u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, f’paġna 14 hemm li l-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema jaħdmu fil-kostruzzjoni u 25% tal-inċidenti u fatalitajiet isejħu propju din il-kategorija ta’ ħaddiema.


Dan ifisser li t-torrijiet u żvilupp ieħor li qed nibnu, huwa mċappas bl-inġustizzja ta’ ħaddiema stmati donnhom skjavi.


Sfortutnatament, meta jmut jew iweġġa’ xi ħaddiem barrani, ftit nagħmlu plejtu u donnha wasalna f’punt li naċċettaw li dawn l-imwiet huma l-prezz li rridu nħallsu biex ikollna dan l-iżvilupp! L-aqwa li mhuwiex Malti! Jekk naraw ir-reazzjoni tagħna meta nisimgħu b’xi traġedja, naraw li hemm reazzjoni differenti meta wieħed ikun Malti u meta ma jkunx!


Ħa nsemmi r-reazzjoni ta’ diversi għal żewg imwiet li seħħew is-sena l-oħra.


Il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia qajjem ġustament reazzjoni kbira u talba għal ġustizzja, u minn hawn nerġa’ ntenni l-appell li l-PN għamel u għandu jagħmel biex jkun hemm inkjesta pubblika. Imma ejjew naraw x’kienet ir-reazzjoni għal mewt ta’ barranin ta’ ċertu ħaddiem Tork, HAYRETTIN KOK, u missier ta’ żewġ ulied li waqa’ waqt li kien qiegħed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni ta’ torri minn Stivala Group, ġewwa l-Gżira. Ninsab ċert li diversi lanqas semgħu b’dan il-każ! Smajtna xi ħaġa dwaru? Mhux biss il-mewt ta’ dan il-missier intesit imma l-injkesta maġisterjali għadha fil-bidu tagħha wara li diġà għaddew sena mill-mewta traġika. Għal diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt kemm lil Ministru Zrinzo u kemm lil Ministru ta’ l-Intern, bqajt bla tweġiba konvinċenti.


Nemmen li kull persuna, hu min hu, u ta’ liema kulur ta’ ġilda jew twemmin, għandu DINJITÀ UMANA u għandu dritt li jkun rispettat! Jekk ma nżommux ma’ dan il-prinċipju fundamentali, allura postna huwa fil-ġungla.


L-imwarrba tas-soċjetà


Sfortunatament, dawn il-ħaddiema huma l-imwarba tas-soċjetà tagħna, donnhom meqjusa inferjuri, u għaliex ma għandhomx vot, allura ma għandhomx vuċi biex jitolbu li d-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa! Bħala kelliem għall-livell aħjar ta’ għajxien, nistieden lil PN biex ikun vuċi għalihom ukoll. Meta jagħmel dan, jikber fl-istatura tiegħu ta’ partit li verament jaħdem għal kulħadd. Nistieden ukoll lil trade unions biex huma wkoll jaraw li dawn il-ħaddiema jkunu rispettati u mhux sfruttati.


Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb li nirriflettu fuq il-mudell ekonomiku tagħna. Filwaqt li l-ekonomija hija tajba u trendi l-ġid lil diversi, nittama li l-mudell ekonomiku tagħna ma jkunx mibni fuq l-istess loġika li kellhom il-Farawni, jiġifieri l-ġid u l-glorja mibnija fuq id-demm tal-iskjavi. U għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob għal diversi drabi li jkun hemm mudell ekonomiku ieħor, mibni fuq il-valur u d-dinjità umana, u mhux fuq ic-cheap labour u l-isfruttatment.


Il-mod kif nitrattaw dawn il-persuni jikxef il-veru wiċċ tagħna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 2 ta' Lulju, 2023)

BACK
bottom of page